CHILD CARE CENTRE FL-GĦARB IFFINANZJAT MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
It-twaqqif ta’ Child Care Centre fil-lokalità tal-Għarb huwa proġett ieħor mit-tlettax-il proġett li qed jibbenefikaw mill-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex b’risq il-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi ta’ lokalitajiet Għawdxin. Il-Kunsill Lokali tal-Għarb ser jingħata madwar €67,000, għotja li qed tiġi ffinanzjata mill-fondi allokati mill-Gvern biex jiġi mwettaq il-pjan ta’ azzjoni 2010-2012 marbut mal-implimentazzjoni tal-viżjoni eko-Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex żaret is-sit fejn ser jitwaqqaf iċ-child care centre fejn ix-xogħlijiet jinsabu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Hija faħħret u rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Għarb għall-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-iskema permezz ta’ din l-inizjattiva u qalet li permezz ta’ dan iċ-child care centre, għadd ta’ ġenituri minn madwar Għawdex kollu, ser jingħataw opportunità li jinqdew b’dawn is-servizzi u b’hekk ikunu jistgħu jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja. Hija rreferiet għas-sejħa għall-offerti ppubblikata aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Kunsill Lokali tal-Għarb, għall-immaniġġjar u l-operat taċ-child care centre. L-offerti għal din is-sejħa ser jibqgħu jintlaqgħu sat-Tlieta 22 ta’ Novembru 2011. Dan iċ-ċentru ser ikun qed jilqa’ massimu ta’ madwar 30 tifel u tifla li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn sena u tliet snin.
Permezz tal-istess skema, il-Kunsill Lokali tal-Għarb ser ikun qed jixtri Eco-Cab u Eco-Truck, żewġ vetturi li jaħdmu bil-batterija mingħajr ma jużaw żjut maħruqa u b’hekk jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet ta’ CO₂ fl-arja. Waqt li permezz tal-Eco-Cab ir-residenti se jkunu jistgħu jaqsmu r-raħal bi trasport nadif u effiċjenti, l-Eco-Truck ser jissostitwixxi truck antik li għandu 25 sena u jaħdem bil-petrol, li jintuża għall-manutenzjoni ta’ kuljum.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en