STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jinnota l-kumment tal-Kummissarju Ewropew Olli Rehn dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna u dwar l-importanza li d-defiċit ta’ pajjiżna jkompli jitnaqqas b’mod sostenibbli taħt il-livell ta’ 3%. Dan qed isir skont is-setgħat akbar mogħtija mill-Gvernijiet nazzjonali lill-Kummissjoni Ewropea fis-sorveljanza tal-qagħda finanzjarji tal-Istati Membri fid-dawl tal-kriżi ta’ djun li qed taħdem numru ta’ Stati Membri fl-Unjoni Ewropea.
It-tnaqqis tad-defiċit għal taħt it-3% huwa impenn ċar tal-Gvern għal din is-sena u l-previżjonijiet tal-Gvern huma li dawn huwa possibbli. Il-Gvern jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-finanzi tal-pajjiż huwa oġġettiv kruċjali għall-istabbilità ta’ pajjiżna. Dan għaliex biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv, attraenti għall-investiment u b’hekk jibqa’ joħloq ix-xogħol, irid jibqa’ jagħti xhieda ta’ stabbilità. Fiċ-ċirkostanzi internazzjonali preżenti, u l-qagħda mwegħra ta’ bosta pajjiżi oħra Ewropej, il-ħtieġa ta’ stabbilità li tagħti kunfidenza lis-swieq u l-investituri lokali u barranin hi aktar importanti.
Fil-mument tal-kriżi l-Gvern investa aktar biex isalva l-postijiet tax-xogħol, jgħin industriji speċifiċi bħat-turiżmu u l-manifattura u għaldaqstant kien ippospona l-miri finanzjarji tiegħu. Wara li pajjiżna reġa’ qabad it-triq ta’ tkabbir ekonomiku, il-Gvern kompla l-programm ta’ tnaqqis sostenibbli tad-defiċit, u din is-sena għandu l-oġġettiv ewlieni li jnaqqas id-defiċit din għal 2.8%. Għas-sena d-dieħla, il-Gvern irid ikompli fuq din it-triq u l-mira tiegħu huwa li jnaqqas d-defiċit b’mod strutturali b’0.5% oħra.
Filwaqt li huwa normali li jkun hemm previżjonijiet differenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvernijiet nazzjonali fir-rigward tal-qagħda finanzjarja, il-Gvern huwa fiduċjuż li l-miri tiegħu għal din is-sena se jintlaħqu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en