Left arrow Mur Lura

IR-RWOL TA’ MALTA U L-PROSPETTI TAL-MALTIN F’LIBJA DEMOKRATIKA DISKUSSI WAQT LAQGĦA TAL-CORE GROUP U TAL-KUMITAT SETTORJALI GĦALL-AFFARIJIET ĠENERALI TAL-MEUSAC

pr2164
Date Icon 10/11/2011

L-aħħar żviluppi fil-Libja u l-futur tar-relazzjonijiet ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea (UE) mal-Libja kien is-suġġett trattat mill-Viċi-Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dott. Tonio Borg meta kien qed jindirizza lill-membri tal-Core Group u tal-Kumitat Settorjali għall-Affarijiet Ġenerali tal-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee).  Għall-membri tal-Core Group din kienet it-tieni laqgħa mal-Viċi-Prim Ministru Borg dwar is-stiwazzjoni fil-Libja wara l-bidu tar-rivoluzzjoni popolari fi Frar li għadda.

Il-Viċi-Prim Ministru fisser b’mod dettaljat ir-rwol ta’ Malta fil-kriżi tal-Libja.  Filwaqt li elenka sensiela ta’ avvenimenti li naqqxu paġna ġdida fil-pajjiż ġar tagħna, Dott. Borg semma s-sehem kruċjali ta’ Malta fl-operazzjoni umanitarja li twettqet fl-ewwel fażi tal-kriżi Libjana.  Qal li ġew evakwati mal-20,000 persuna minn 100 pajjż differenti, fosthom 5,000 Ċiniż u 360 Malti.  Sal-lum, qal, il-Gvern għadu jagħti l-għajnuna medika speċjalizzata, li s’issa tammonta għal 45 Libjan.

Dwar il-pożizzjoni li ħadet Malta fil-konfront ta’ kif żvolġiet il-kriżi fil-Libja, il-Viċi-Prim Ministru spjega kif il-Gvern Malti l-ewwel iddikjara l-illeġittimità ta’ dak li kien ir-reġim ta’ Gaddafi, imbagħad irrikonoxxa lill-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju bħala l-uniku interlokutur leġittimu tal-poplu Libjan, b’Malta iktar tard tirrikonoxxi l-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju bħala l-Gvern ad hoc tal-Libja.  Dott. Borg fisser kif b’dawn il-pożizzjonijiet, Malta rebħet l-apprezzament u l-ammirazzjoni tal-mexxejja ġodda Libjani u fl-istess waqt inbniet fiduċja bejn iż-żewġ naħat, tant li Malta bdiet titqies bħala s-sieħeb Ewropew li lest jassisti lil-Libjani fit-triq twila għal-libertà u d-demokrazija.

Il-Viċi-Prim Ministru qal li m’għandhiex titnissel biża’ mit-twaqqif ta’ demokrazija Iżlamika fil-Libja għax huwa konvint li din se tirrispetta l-prinċipji bażiċi demokratiċi. Dott. Borg iddikjara li hu ottimist li filwaqt li fil-Libja qed tinbena sistema demokratika, Malta wkoll ser ikollha opportuntajiet fil-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ma’ dan il-pajjiż ġar.  Infatti, il-Viċi-Prim Ministru sostna li sa minn Ġunju li għadda ħass il-ħtieġa li jinħatar mibgħut speċjali Malti f’tentattiv li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi, politiċi u kummerċjali bejn il-Gvern Malti u l-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju, li witta t-triq għaż-zjara li saret minn Dott. Borg innifsu f’Bengażi f’Lulju li għadda.

F’Awwissu, waqt li l-kunflitt kien għadu għaddej, infetaħ uffiċċju f’Bengażi li sar konsulat filwaqt li ftit wara l-waqgħa ta’ Tripli, infetħet mill-ġdid l-Ambaxxata Maltija fil-kapitali Libjana u bdiet toffri mill-ġdid servizzi ta’ ħruġ ta’ viżi. 

Il-Ministru tal-Affarjiet Barranin tkellem ukoll dwar ir-rwol ċentrali tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-kriżi tal-Libja.  B’mod speċjali semma kif l-UE żiedet l-allokazzjoni finanzjarja taħt il-European Neighbourhood Policy għall-pajjiżi ġirien, ewlenin fosthom il-Libja, kif ukoll it-Tuneżija u l-Eġittu, li kienu ż-żewġ pajjiżi l-oħra fl-Afrika ta’ Fuq fejn seħħew bidliet fit-tmexxija wara qawmien popolari.  Dwar is-sehem tal-komunità internazzjonali, il-Viċi-Prim Ministru saħaq fuq il-protezzjoni li ngħatat lil-Libja, fost l-oħrajn bid-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li timponi l-hekk imsejħa no fly zone, li tiffriża l-assi tal-eksmexxej Gaddafi u l-familja tiegħu, kif ukoll li ddaħħal fis-seħħ embargo fuq l-armi. 

Għall-futur, il-Viċi-Prim Ministru qal li l-mira ewlenija hija li jsiru l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi.  Semma kif Malta esprimiet ix-xewqa li jiġu trattati bosta kwistjonijiet pendenti li għandha mal-Libja, ewlenin fosthom il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali (billi jsiru kontrolli tal-fruntieri); l-esplorazzjoni għaż-żejt u li l-Libjani jkunu disposti jneħħu l-bżonn tal-viża għal ċittadini tal-UE (bl-UE tiffaċilita iktar il-proċess ta’ viża lil-Libjani). 

Il-membri tal-Core Group u tal-Kumitat Settorjali qajmu bosta punti f’interventi li għamlu matul il-laqgħa.  Dawn jinkludu:

  • żjara minn delegazzjoni kummerċjali Maltija fil-Libja;
  • x’se jsir mill-assi ffriżati tal-familja ta’ Gaddafi u ta’ entitajiet tal-Gvern Libjan;
  • ir-rabtiet ta’ Maltin ma’ qraba ta’ Gaddafi;
  • il-futur taż-żewġ ajruplani tal-gwerra li niżlu Malta fil-bidu tal-kunflitt;
  • is-sehem ta’ Malta fir-rikostruzzjoni tal-Libja.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Prim Ministru wieġeb li kien hemm mat-320 talba minn negozjanti Maltin biex jiffurmaw parti minn delegazzjoni kummerċjali fil-Libja.  Dott. Borg qal li d-delegazzjoni tintbagħat ladarba jiġi ffurmat il-Gvern ġdid Libjan u jkun hemm stuttura amministrattiva mwaqqfa fil-pajjiż. 

Dwar l-assi ffriżati tal-familja Gaddafi u l-Gvern Libjan, Dott. Borg qal li f’Malta hawn madwar €377 miljun, li minnhom €87 miljun kienu tal-familja Gaddafi stess.  Il-Viċi-Prim Ministru fisser kif l-assi ffriżati qed jiġu kkoordinati mill-Bord għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.  Dawn il-flus mistennija jingħataw lill-Gvern ġdid Libjan għar-rikostruzzjoni tal-Libja.  Sostna wkoll li kull min kellu kuntatti mal-familja u qraba ta’ Gaddafi jrid jerfa’ r-responsabbiltà għall-aġir tiegħu jew tagħha.

Dwar is-setturi l-iktar li se jkunu ta’ interess għal Malta fil-bini mill-ġdid tal-ekonomija Libjana, Dott. Borg identifika s-setturi tas-saħħa, it-turiżmu u l-edukazzjoni.  Dwar l-ajruplani tal-gwerra li niżlu Malta fil-bidu tal-kunflitt tal-Libja, Dott. Borg qal li s’issa għadhom Malta u jaħseb li għandhom jintbagħtu lura b’rispett ta’ dak li hu mitlub mill-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb qal li l-laqgħat ta’ din ix-xorta mal-Viċi-Prim Ministru Tonio Borg, li kien f’kuntatti kontinwi u diretti matul il-kriżi Libjana f’kull livell, kemm nazzjonali, kif ukoll Ewropej, għandhom ikunu ta’ opportunità għall-membri tal-Core Group, tal-Kumitat Settorjali u tal-pubbliku ġenerali biex isiru jafu aħjar x’inhu jiġri fil-Libja, il-perspettiva tal-Gvern u anke l-prospetti ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow