IR-RWOL TA’ MALTA U L-PROSPETTI TAL-MALTIN F’LIBJA DEMOKRATIKA DISKUSSI WAQT LAQGĦA TAL-CORE GROUP U TAL-KUMITAT SETTORJALI GĦALL-AFFARIJIET ĠENERALI TAL-MEUSAC
L-aħħar żviluppi fil-Libja u l-futur tar-relazzjonijiet ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea (UE) mal-Libja kien is-suġġett trattat mill-Viċi-Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dott. Tonio Borg meta kien qed jindirizza lill-membri tal-Core Group u tal-Kumitat Settorjali għall-Affarijiet Ġenerali tal-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee). Għall-membri tal-Core Group din kienet it-tieni laqgħa mal-Viċi-Prim Ministru Borg dwar is-stiwazzjoni fil-Libja wara l-bidu tar-rivoluzzjoni popolari fi Frar li għadda.
Il-Viċi-Prim Ministru fisser b’mod dettaljat ir-rwol ta’ Malta fil-kriżi tal-Libja. Filwaqt li elenka sensiela ta’ avvenimenti li naqqxu paġna ġdida fil-pajjiż ġar tagħna, Dott. Borg semma s-sehem kruċjali ta’ Malta fl-operazzjoni umanitarja li twettqet fl-ewwel fażi tal-kriżi Libjana. Qal li ġew evakwati mal-20,000 persuna minn 100 pajjż differenti, fosthom 5,000 Ċiniż u 360 Malti. Sal-lum, qal, il-Gvern għadu jagħti l-għajnuna medika speċjalizzata, li s’issa tammonta għal 45 Libjan.
Dwar il-pożizzjoni li ħadet Malta fil-konfront ta’ kif żvolġiet il-kriżi fil-Libja, il-Viċi-Prim Ministru spjega kif il-Gvern Malti l-ewwel iddikjara l-illeġittimità ta’ dak li kien ir-reġim ta’ Gaddafi, imbagħad irrikonoxxa lill-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju bħala l-uniku interlokutur leġittimu tal-poplu Libjan, b’Malta iktar tard tirrikonoxxi l-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju bħala l-Gvern ad hoc tal-Libja. Dott. Borg fisser kif b’dawn il-pożizzjonijiet, Malta rebħet l-apprezzament u l-ammirazzjoni tal-mexxejja ġodda Libjani u fl-istess waqt inbniet fiduċja bejn iż-żewġ naħat, tant li Malta bdiet titqies bħala s-sieħeb Ewropew li lest jassisti lil-Libjani fit-triq twila għal-libertà u d-demokrazija.
Il-Viċi-Prim Ministru qal li m’għandhiex titnissel biża’ mit-twaqqif ta’ demokrazija Iżlamika fil-Libja għax huwa konvint li din se tirrispetta l-prinċipji bażiċi demokratiċi. Dott. Borg iddikjara li hu ottimist li filwaqt li fil-Libja qed tinbena sistema demokratika, Malta wkoll ser ikollha opportuntajiet fil-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ma’ dan il-pajjiż ġar. Infatti, il-Viċi-Prim Ministru sostna li sa minn Ġunju li għadda ħass il-ħtieġa li jinħatar mibgħut speċjali Malti f’tentattiv li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi, politiċi u kummerċjali bejn il-Gvern Malti u l-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju, li witta t-triq għaż-zjara li saret minn Dott. Borg innifsu f’Bengażi f’Lulju li għadda.
F’Awwissu, waqt li l-kunflitt kien għadu għaddej, infetaħ uffiċċju f’Bengażi li sar konsulat filwaqt li ftit wara l-waqgħa ta’ Tripli, infetħet mill-ġdid l-Ambaxxata Maltija fil-kapitali Libjana u bdiet toffri mill-ġdid servizzi ta’ ħruġ ta’ viżi.
Il-Ministru tal-Affarjiet Barranin tkellem ukoll dwar ir-rwol ċentrali tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-kriżi tal-Libja. B’mod speċjali semma kif l-UE żiedet l-allokazzjoni finanzjarja taħt il-European Neighbourhood Policy għall-pajjiżi ġirien, ewlenin fosthom il-Libja, kif ukoll it-Tuneżija u l-Eġittu, li kienu ż-żewġ pajjiżi l-oħra fl-Afrika ta’ Fuq fejn seħħew bidliet fit-tmexxija wara qawmien popolari. Dwar is-sehem tal-komunità internazzjonali, il-Viċi-Prim Ministru saħaq fuq il-protezzjoni li ngħatat lil-Libja, fost l-oħrajn bid-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li timponi l-hekk imsejħa no fly zone, li tiffriża l-assi tal-eksmexxej Gaddafi u l-familja tiegħu, kif ukoll li ddaħħal fis-seħħ embargo fuq l-armi.
Għall-futur, il-Viċi-Prim Ministru qal li l-mira ewlenija hija li jsiru l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi. Semma kif Malta esprimiet ix-xewqa li jiġu trattati bosta kwistjonijiet pendenti li għandha mal-Libja, ewlenin fosthom il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali (billi jsiru kontrolli tal-fruntieri); l-esplorazzjoni għaż-żejt u li l-Libjani jkunu disposti jneħħu l-bżonn tal-viża għal ċittadini tal-UE (bl-UE tiffaċilita iktar il-proċess ta’ viża lil-Libjani).
Il-membri tal-Core Group u tal-Kumitat Settorjali qajmu bosta punti f’interventi li għamlu matul il-laqgħa. Dawn jinkludu:
- żjara minn delegazzjoni kummerċjali Maltija fil-Libja;
- x’se jsir mill-assi ffriżati tal-familja ta’ Gaddafi u ta’ entitajiet tal-Gvern Libjan;
- ir-rabtiet ta’ Maltin ma’ qraba ta’ Gaddafi;
- il-futur taż-żewġ ajruplani tal-gwerra li niżlu Malta fil-bidu tal-kunflitt;
- is-sehem ta’ Malta fir-rikostruzzjoni tal-Libja.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi Prim Ministru wieġeb li kien hemm mat-320 talba minn negozjanti Maltin biex jiffurmaw parti minn delegazzjoni kummerċjali fil-Libja. Dott. Borg qal li d-delegazzjoni tintbagħat ladarba jiġi ffurmat il-Gvern ġdid Libjan u jkun hemm stuttura amministrattiva mwaqqfa fil-pajjiż.
Dwar l-assi ffriżati tal-familja Gaddafi u l-Gvern Libjan, Dott. Borg qal li f’Malta hawn madwar €377 miljun, li minnhom €87 miljun kienu tal-familja Gaddafi stess. Il-Viċi-Prim Ministru fisser kif l-assi ffriżati qed jiġu kkoordinati mill-Bord għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Dawn il-flus mistennija jingħataw lill-Gvern ġdid Libjan għar-rikostruzzjoni tal-Libja. Sostna wkoll li kull min kellu kuntatti mal-familja u qraba ta’ Gaddafi jrid jerfa’ r-responsabbiltà għall-aġir tiegħu jew tagħha.
Dwar is-setturi l-iktar li se jkunu ta’ interess għal Malta fil-bini mill-ġdid tal-ekonomija Libjana, Dott. Borg identifika s-setturi tas-saħħa, it-turiżmu u l-edukazzjoni. Dwar l-ajruplani tal-gwerra li niżlu Malta fil-bidu tal-kunflitt tal-Libja, Dott. Borg qal li s’issa għadhom Malta u jaħseb li għandhom jintbagħtu lura b’rispett ta’ dak li hu mitlub mill-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb qal li l-laqgħat ta’ din ix-xorta mal-Viċi-Prim Ministru Tonio Borg, li kien f’kuntatti kontinwi u diretti matul il-kriżi Libjana f’kull livell, kemm nazzjonali, kif ukoll Ewropej, għandhom ikunu ta’ opportunità għall-membri tal-Core Group, tal-Kumitat Settorjali u tal-pubbliku ġenerali biex isiru jafu aħjar x’inhu jiġri fil-Libja, il-perspettiva tal-Gvern u anke l-prospetti ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en