IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JIFFINANZJA PROĠETT TA’ DIN L-ART ĦELWA
Permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, il-Ministeru għal Għawdex qed jiffinanzja għotja ta’ aktar minn €24,000 lill-għaqda Din l-Art Ħelwa. Dawn il-fondi ser jintużaw fi proġett li ser jinkorpora installazzjoni ta’ interpretation panels f’siti storiċi f’Għawdex u Kemmuna kif ukoll għall-produzzjoni ta’ DVD dwar il-wirt storiku tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono żaret it-Torri tax-Xlendi, li huwa wieħed mis-siti li qed jibbenefikaw minn din l-għotja, fejn permezz ta’ dan il-proġett ġew installati 10 interpretation panels. Fil-preżenza ta’ uffiċjali u membri ta’ Din l-Art Ħelwa u s-Sindku tal-Munxar, il-Ministru għal Għawdex qalet li bis-saħħa ta’ dawn l-interpretation panels it-turisti li jżuru dawn is-siti storiċi f’Għawdex u f’Kemmuna ser ikunu jistgħu jiksbu tagħrif interessanti fuq is-sit stess filwaqt li jkabbru l-għarfien tagħhom dwar il-ġawhar ta’ dawn il-gżejjer. Hija żiedet tgħid li dawn il-pannelli ser ikunu sors ieħor ta’ tagħlim għall-istudenti Għawdxin waqt ħarġiet kulturali u edukattivi organizzati mill-iskejjel rispettivi tagħhom.
Minbarra l-interpretation panels fit-Torri tax-Xlendi, permezz ta’ dan il-finanzjament, Din l-Art Ħelwa qiegħda tinstalla 12-il interpretation panel fit-Torri ta’ Santa Marija f’Kemmuna, erbgħa fil-Batterija ta’ Santa Marija f’Kemmuna u tmienja fil-Batterija tal-Qala. L-informazzjoni mogħtija permezz ta’ dawn il-pannelli tinkludi l-importanza storika tas-siti, l-ekoloġija fiż-żona, siti storiċi oħra ta’ interess fl-inħawi, it-tradizzjonijiet u l-istili ta’ ħajja u l-biodiversità tal-baħar fil-lokalitajiet. Tfal li jżuru dawn is-siti ser jingħataw interactive project work sheets li jsaħħu l-esperjenza edukattiva tagħhom. Fit-Torri ta’ Santa Marija f’Kemmuna, Din l-Art Ħelwa ser tinstalla apparat awdjo-viżiv kif ukoll siġġijiet sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jaraw filmati relatati mas-siti storiċi f’Għawdex u f’Kemmuna.
Parti oħra tal-proġett hija dik tal-produzzjoni ta’ DVD ta’ madwar nofsiegħa, dwar il-wirt storiku tal-gżira Għawdxija. Id-DVD, A tale of two towers, juri fortifikazzjonijiet sinifikanti f’Għawdex u f’Kemmuna, filwaqt li jagħti tagħrif dwarhom u dwar l-importanza storika tagħhom.
Bħalissa fit-Torri tax-Xlendi jinsab għaddej xogħol ta’ restawr li qed isir minn Din l-Art Ħelwa flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Munxar. Dan it-torri kien inbena fl-1650 fi żmien il-Granmastru Lascaris.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en