ROĦS SA 45 FIL-MIJA FUQ 15-IL MEDIĊINA OĦRA
Eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jbatu minn osteoporożi, hayfever, glawkoma u minn depressjoni huma fost dawk li se jesperjenzaw roħs qawwi fil-prezzijiet tal-mediċini li jieħdu. Fost il-mediċini li qed jorħsu b’effett immedjat hemm uħud li jittieħdu biex isaħħu is-sistema tal-immunita’ tal-ġisem u biex iwaqqfu l-infezzjonijiet kawżati mill-virus tal-Hepatitis A.
Il-mediċini li qed jorħsu huma 15. Ir-roħs fil-prezz ta’ 10 minn dawn il-mediċini qed jitħabbar għall-ewwel darba, filwaqt li l-prezz ta’ 5 mediċini oħra inklużi f’din il-lista diġa tħabbar fil-ġimgħat li għaddew mill-importatur tagħhom.
Dan ifisser li f’anqas minn sena u nofs, il-mediċini li roħsu fil-prezz wara l-intervent tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u mill-Kompetizzjoni Ġusta, żdiedu għal 176.
Sitta mill-mediċini li jinsabu fil-lista li qed tiġi ppubblikata llum roħsu b’aktar minn 20 fil-mija. L-akbar roħs li qed jitħabbar hu fuq il-mediċina Wellbutrin XR. Il-pakkett tal-150mg modified release tablet X 30 qed jorħos bi €15.81 jew 45 fil-mija; filwaqt li l-pakkett tat-300mg modified release tablet X 30 qed jorħos bi €23.76 jew 38 fil-mija. Żewġ mediċini biss minn din il-lista ta’ 15-il mediċina qed jorħsu fil-prezz b’anqas minn 10 fil-mija.
Il-prezzijiet il-ġodda tal-mediċini jirriflettu l-prezzijiet medji tal-istess mediċini fil-pajjiżi Ewropej. Dawn japplikaw għal mediċini li l-ispiżeriji jkunu xtraw bil-prezz il-ġdid.
Fix-xhur li għaddew tħabbar roħs fil-prezzijiet ta’ 166 mediċina li jinkludu mediċini li jittieħdu għat-trattament ta’ disturbi konġestivi tal-qalb, għall-infezzjonijiet, kontra l-impotenza, biex ikun ikkontrollat it-tkabbir tal-prostata, biex jikkuraw il-glawkoma u ż-żieda fil-pressjoni tal-fluwidu tal-għajn, li jikkontrollaw il-livell tal-kolesterol fid-demm, kontra l-mard tal-qalb, pressjoni għolja, ulċeri u aċidu fl-istonku, infjammazzjoni tal-ġilda fi psoriasis, għall-kura u l-prevenzjoni tal-osteoporożi, għal individwi li jkunu f’periklu li jkollhom trombożi minħabba li jkunu se jagħmlu intervent kirurġiku, kif ukoll għal uġiegħ u infjammazzjonijiet varji.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said jirringrazzja lil kull min ta sehmu u ħadem biex fix-xhur li għaddew roħsu b’mod sostanzjali l-prezzijiet tal-mediċini f’pajjiżna. Dan għaliex permezz tal-eżerċiżżju li qed isir qed igawdu l-konsumaturi Maltin u Għawdxin li jieħdu l-mediċini mhux għax iridu iżda għax bilfors. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, id-Diviżjoni għall-Konsumatur fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) se tkompli bl-eżerċizzju u se tkun qed tivverifika anki l-prezzijiet ta’ mediċini li diġa ġew iċċekkjati.
Għal aktar informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-mediċini wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 21446446, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u l-4.00pm jew inkella billi jibgħat email fuq dan l-indirizz: medicines@gov.mt
Din hi l-lista tal-mediċini ppubblikata llum l-Erbgħa 9 ta’ Novembru 2011:
Mediċina | Pakkett | Il-Prezz l-Antik (€) | Il-Prezz il-Ġdid (€) | Roħs (€) |
Alendronate | 70mg tablets X 4 | 23.76 | 20.90 | -2.86 |
Augmentin | 625mg Film-coated tablets x 14 | 20.34 | 15.77 | -4.57 |
Augmentin | 1g Film-coated tablets x 14 | 20.34 | 19.88 | -0.46 |
Havrix® Junior Monodose® | 1 0.5ml ds for injection -1 prefilled syringe with 0.5ml suspension and separate needle | 30.30 | 26.85 | -3.45 |
Havrix® Monodose® | 1 1ml ds for injection - 1 prefilled syringe with 1ml suspension for injection and separate needle | 39.32 | 35.23 | -4.09 |
Istin™ | 10mg Tablet x 28 | 25.25 | 22.43 | -2.82 |
Klacid® | Coated tablets 500 mg x 14 | 28.60 | 24.22 | -4.38 |
Sporal | 100mg Capsule X 15 | 56.02 | 52.25 | -3.77 |
Telfast® | 120mg film-coated tablet X 30 | 16.31 | 13.38 | -2.93 |
Trusopt | Eye drops X 5ml | 18.45 | 15.20 | -3.25 |
Valtrex | 500mg Tablet X 10 | 44.00 | 34.99 | -9.01 |
Wellbutrin® XR | 150 mg modified release tablet X 30 | 35.00 | 19.19 | -15.81 |
Wellbutrin® XR | 300mg modified release tablet X 30 | 62.14 | 38.38 | -23.76 |
Zinnat™ | Film-coated tablets 500 mg x 14 | 23.22 | 17.80 | -5.42 |
Zovirax® | 200mg Dispersible film-coated tablets X 25 | 41.00 | 28.05 | -12.95 |
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en