GVERN LI JEMMEN FIL-POTENZJAL TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli, dalgħodu nedew attività organizzata mill-Grupp Żgħażagħ Gudja bl-isem ta’ JChallenge Youth Village li se ssir fit-tmien il-ġimgħa li ġej 11, 12 u 13 ta’ Novembru 2011.
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli sostna li l-Gvern qiegħed jappoġġja din l-attività li għandha l-għan li tipprowovi l-volontarjat fost iż-żgħażagħ minn għaqdiet differenti filwaqt li tesponi t-talenti taż-żgħażagħ Maltin. Hu tenna li l-volontarjat, fost iż-żgħażagħ huwa ċentrali fl-iżvilupp soċjali tal-pajjiż u sostna li dan għadu b’saħħtu. Clyde Puli qal li l-Gvern jgħin lil diversi għaqdiet taż-żgħażagħ biex itellgħu l-attivitajiet tagħhom u żied li Aġenzija Żgħażagħ kienet stumentali bl-għajnuna tagħha biex tittella’ din l-attività fil-Gudja.
Hu qal li inizjattiva bħal din tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern li qed joħloq diversi programmi ta’ empowerment fosthom il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ u l-Voltours.
Jason Azzopardi nnota s-sens ta’ volontarjat li għandhom dan il-grupp ta’ żgħażagħ mill-Gudja. Huwa qal li fiż-żminijiet li qed ngħixu, spiss nisimgħu fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi, u dan huwa tajjeb. Iżda dan ma jistax jinfired mill-iżvilupp soċjali għax dawn huma ż-żewġ naħat tal-istess munita. Huwa għalhekk li attivitajiet bħal din jistħoqqilhom kull tifħir u inkoraġġiment.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi ħabbar kif il-Gvern permezz tal-Ministeru tal-Finanzi se jkun qed jgħin lil dan il-grupp ta’ żgħażagħ permezz tal-Fond ta’ Kawzi Ġusti, li qed jimpenjaw ruħhom għal dan l-għan tant nobbli.
Fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tagħhom, il-Grupp Żgħażagħ Gudja qed itellgħu attività fuq skala Nazzjonali li ha tieħu forma ta' youth village. L-attività għandha l-għan li tkun ukoll post-event tal-World Youth day li saret f’Madrid. Għal din l-attività ser jipparteċipaw iżjed minn 32 għaqda, kemm mill-Gudja kif ukoll minn barra l-lokal.
Din l-attività tiċċelebra l-volontarjat fis-sena Ewropeja ddedikata lill-volontarjat. Il-villaġġ li se jkun imtella’ f’14-il triq fil-Gudja stess, se jqajjem awareness dwar il-volontarjat u b’hekk joħroġ il-potenzjal li għandhom iż-żgħażagħ. L-attività ħa tkun kontinwa u tibqa sejra matul il-lejl. Se jkun hemm attivitajiet sportivi, reliġjużi, kunċerti minn Christian Bands u korijiet, diskusjoinijiet dwar il-volontarjat, wirjiet ta' talenti, attivitajiet soċjali u area tat-tfal u għall-familja.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en