IMNEDIJA L-ISTRATEĠIJA NAZZJONALI DWAR IS-SAĦĦA SESSWALI
“Is-saħħa sesswali hija aspett tas-saħħa tagħna li tinvolvi l-maturità fiżika u riproduttiva, l-emozzjonijiet marbutin mas-sesswalità u s-sess, kif ukoll l-aspetti soċjali ta’ kif persuna tgħix is-sesswalità tiegħu/tagħha. Għalhekk is-saħħa sesswali tinkludi fiha l-aspetti tar-responsabbiltà, tal-mod kif tħares lejk innifsek u l-abbiltà li ssawwar relazzjonijiet ma’ ħaddieħor b’mod li tipporteġi s-saħħa tiegħek u anki dik tas-sieħeb jew sieħba tiegħek.”
Hekk stqarr il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita, Joe Cassar, waqt it-tnedija tal-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali. Wara li, f’Novembru tas-sena li għaddiet, ġiet imnedija l-Politika Nazzjonali għas-Saħħa Sesswali, din l-istrateġija issa twitti t-triq sabiex din il-politika tidħol fis-seħħ.
Il-Ministru Joe Cassar spjega li l-istrateġija hija mfassla fuq l-istess prinċipji li fuqhom kienet ibbażata l-politika nazzjonali, jiġifieri l-prinċipji tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet individwali u soċjali, li joħorġu mill-valuri tar-rispett u d-dinjità lejn il-ħajja tal-bniedem. Hu qal li l-istrateġija inkitbet wara li ġew analizzati r-riżultati ta’ serje ta’ workshops li saru aktar kmieni din is-sena bħala parti mill-pjan ta azzjoni relatat.
Joe Cassar spjega li l-istrateġija tkopri diversi aspetti li jinkludu l-edukazzjoni dwar u promozzjoni ta’ saħħa sesswali, servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali, kwistjonijiet legali, dinjità, drittijiet u responsabbiltajiet u wkoll riċerka u sorveljanza. Il-Ministru temm jgħid li l-istrateġija se tipprovdi mezz biex f’pajjiżna niksbu saħħa aħjar għal kulħadd.
Natasha Muscat Azzopardi, Chief Medical Officer, qalet li l-istrateġija issa ssaħħaħ fil-prattikka dak li kien proposat fil-politika nazzjonali, filwaqt li Ray Busuttil, Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħaq dwar l-importanza li l-pubbliku jkun mgħarraf aktar dwar is-saħħa sesswali.
Anness ma’ din l-istqarrija qed tiġi ppubblikata wkoll preżentazzjoni li saret lill-ġurnalisti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en