€280,000 OĦRA GĦAL 14-IL PROĠETT INFRASTRUTTURALI FIL-KOMUNITAJIET IŻ-ŻGĦAR
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika se jiffinanzja 14-il proġett jew inizjattiva fil-komunitajiet iż-żgħar. Dan se jagħmlu permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament għall-Proġetti u Inizjattivi mill-Kumitati Amministrattivi fil-Lokalitajiet Tagħhom li qed titnieda għat-tieni sena konsekuttiva. 14-il Kumitat Amministrattiv, bejniethom, se jkunu qed jirċievu €20,000 biex jimplimentaw il-proġett tagħhom. Din is-sena l-proġetti huma kollha infrastrutturali.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Madliena u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said. Hu qal li l-Kumitati Amministrattivi, li kienu introdotti bħala parti mit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali, ilhom jaħdmu 16-il xahar. F’dan il-perjodu qasir m’għandniex nippretendu mirakli, iżda mix-xogħlijiet li qed isiru diġà jidher ċar li dan kien esperiment li rnexxa. Iż-żelu li wrew il-Kumitat Amministrattivi fit-tfassil ta’ proġetti ta’ fejda għall-komunitajiet li jirrappreżentaw hu indikatur tal-valur tagħhom. Barra minn hekk ħafna mill-Kumitati Amministrattivi huma ambizzjużi u bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali qed jirnexxilhom jieħdu inizjattivi importanti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li s-sena li għaddiet il-Gvern iffinanzja 13-il proġett jew inizjattiva ta’ daqstant ieħor Kumitati Amministrattivi. Ħafna minn dawn il-proġetti tlestew jew jinsabu fil-fażi li jitlestew. L-erbatax-il proġett li se jkunu finanzjati din is-sena ntgħażlu għaliex huma l-aktar li se jħallu impatt pożittiv, dirett u effettiv fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’dawn il-komunitajiet.
Il-proġetti magħżula jvarjaw minn tisbiħ u manutenzjoni ta’ ġonna u spazji pubbliċi, irranġar u re-surfacing ta’ toroq, irranġar ta’ bankini u l-ftuħ ta’ bini pubbliku għas-servizz tal-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali u lill-Kumitati Amministrattivi biex ikomplu jaħdmu id f’id għall-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet li jirrappreżentaw.
Il-proġetti kollha li se jsiru huma dawn:
St. Peters – il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Marżepp
Fleur de Lys – it-tisbiħ ta’ Ġnien Fleur de Lys
Is-Swatar – it-tkomplija tat-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-bandli fi Triq il-Balliju ta’ Gutenberg
Santa Luċija – it-tisbiħ tal-isqaqien ta’ Martin, tad-Donna u tal-Bieba
Ħal Farruġ – re-surfacing ta’ Triq id-Daqquqa l-Kaħla
Ix-Xlendi – tisbiħ fi Triq il-Kantra
Baħar iċ-Ċagħaq – irranġar ta’ bankini u dwal ġodda f’diversi toroq
Gwardamanġa – bini jinbidel f’Għassa tal-Pulizija
Il-Baħrija – re-surfacing ta’ Triq ix-Xagħra tax-Xini u Triq ix-Xagħra ta’ Girad
Tal-Virtù – irranġar ta’ bankina fi Triq Francesco Azzopardi
Burmarrad – re-surfacing ta’ Triq Busewdien
Il-Madliena – it-tisbiħ tal-Belvedere fuq l-Għoljiet tal-Madliena
Marsalforn – l-irranġar ta’ Triq il-Wied
Bubaqra – re-surfacing u pavimentar ta’ Triq Goswalda Calleja
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en