Left arrow Go Back

€280,000 OĦRA GĦAL 14-IL PROĠETT INFRASTRUTTURALI FIL-KOMUNITAJIET IŻ-ŻGĦAR

pr2131
Date Icon 07/11/2011

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika se jiffinanzja 14-il proġett jew inizjattiva fil-komunitajiet iż-żgħar.  Dan se jagħmlu permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament għall-Proġetti u Inizjattivi mill-Kumitati Amministrattivi fil-Lokalitajiet Tagħhom li qed titnieda għat-tieni sena konsekuttiva.  14-il Kumitat Amministrattiv, bejniethom, se jkunu qed jirċievu €20,000 biex jimplimentaw il-proġett tagħhom. Din is-sena l-proġetti huma kollha infrastrutturali.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Madliena u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said. Hu qal li l-Kumitati Amministrattivi, li kienu introdotti bħala parti mit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali, ilhom jaħdmu 16-il xahar.  F’dan il-perjodu qasir m’għandniex nippretendu mirakli, iżda mix-xogħlijiet li qed isiru diġà jidher ċar li dan kien esperiment li rnexxa.  Iż-żelu li wrew il-Kumitat Amministrattivi fit-tfassil ta’ proġetti ta’ fejda għall-komunitajiet li jirrappreżentaw hu indikatur tal-valur tagħhom. Barra minn hekk ħafna mill-Kumitati Amministrattivi huma ambizzjużi u bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali qed jirnexxilhom jieħdu inizjattivi importanti.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li s-sena li għaddiet il-Gvern iffinanzja 13-il proġett jew inizjattiva ta’ daqstant ieħor Kumitati Amministrattivi. Ħafna minn dawn il-proġetti tlestew jew jinsabu fil-fażi li jitlestew. L-erbatax-il proġett li se jkunu finanzjati din is-sena ntgħażlu għaliex huma l-aktar li se jħallu impatt pożittiv, dirett u effettiv fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’dawn il-komunitajiet.

Il-proġetti magħżula jvarjaw minn tisbiħ u manutenzjoni ta’ ġonna u spazji pubbliċi, irranġar u re-surfacing ta’ toroq, irranġar ta’ bankini u l-ftuħ ta’ bini pubbliku għas-servizz tal-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali u lill-Kumitati Amministrattivi biex ikomplu jaħdmu id f’id għall-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet li jirrappreżentaw.

Il-proġetti kollha li se jsiru huma dawn:

St. Peters – il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Marżepp

Fleur de Lys – it-tisbiħ ta’ Ġnien Fleur de Lys

Is-Swatar – it-tkomplija tat-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-bandli fi Triq il-Balliju ta’ Gutenberg

Santa Luċija – it-tisbiħ tal-isqaqien ta’ Martin, tad-Donna u tal-Bieba

Ħal Farruġ – re-surfacing ta’ Triq id-Daqquqa l-Kaħla

Ix-Xlendi – tisbiħ fi Triq il-Kantra

Baħar iċ-Ċagħaq – irranġar ta’ bankini u dwal ġodda f’diversi toroq

Gwardamanġa – bini jinbidel f’Għassa tal-Pulizija

Il-Baħrija – re-surfacing ta’ Triq ix-Xagħra tax-Xini u Triq ix-Xagħra ta’ Girad

Tal-Virtù – irranġar ta’ bankina fi Triq Francesco Azzopardi

Burmarrad – re-surfacing ta’ Triq Busewdien

Il-Madliena – it-tisbiħ tal-Belvedere fuq l-Għoljiet tal-Madliena

Marsalforn – l-irranġar ta’ Triq il-Wied

Bubaqra – re-surfacing u pavimentar ta’ Triq Goswalda Calleja

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow