IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JIFFINANZJA PROĠETT TAL-FONDAZZJONI ARKA
Permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex iffinanzja għotja ta’ €50,000 lill-Fondazzjoni Arka, biex permezz tagħha jinbidel ġeneratur għal wieħed li jiġġenera inqas tniġġiż fl-arja kif ukoll inqas ħsejjes, filwaqt li jinbidlu d-dwal taċ-ċentru għal dawk li jaħlu inqas enerġija.
Waqt żjara li l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono għamlet fl-Arka Respite Centre f’Għajnsielem, kellha l-opportunità li tiltaqa’ mad-diriġenti tal-Fondazzjoni Arka li spjegaw kif permezz tal-fondi miksuba mill-iskema eko-Għawdex, iċ-ċentru qed jibbenefika minn servizzi mogħtija minn ġeneratur ġdid li kien ilu ma jinbidel 40 sena, kif ukoll minn sistema ta’ dwal li tirrispetta aktar l-ambjent.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif l-objettivi ta’ din l-inizjattiva huma konformi ma’ wħud mill-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni dwar eko-Għawdex u huwa għalhekk li din il-Fondazzjoni ngħatat għajnuna taħt l-iskema tal-Ministeru għal Għawdex li permezz tagħha f’Għawdex qed jitwettqu 38 proġett minn 37 organizzazzjoni mhux governattiva. Hija faħħret lill-Fondazzjoni Arka għall-inizjattiva tagħha bil-għan li tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja tal-individwi li jiffrekwentaw iċ-ċentru kif ukoll dawk li joqogħdu fil-viċinanzi. Żiedet tgħid li din l-iskema hija turija ta’ apprezzament għax-xogħol kollu li jsir mill-NGOs Għawdxin, anke fid-dawl tal-fatt li din is-sena ġiet iddedikata bħala s-Sena tal-Volontarjat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-ġeneratur tal-elettriku ġdid ser ikun qed jipproduċi anqas ħsejjes li jlaħħqu madwar 15dB (A) inqas mill-ġeneratur l-ieħor, filwaqt li permezz tad-dwal il-ġodda ser jiġu ffrankati madwar 8354 Watt kull siegħa.
Permezz ta’ żewġ skemi ta’ eko-Għawdex, waħda għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u l-oħra għall-Kunsilli Lokali, jinsabu għaddejjin 51 proġett, li bejniethom qed jingħataw għajnuna li tlaħħaq kważi €1.9 miljun.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en