TIPIKU - ARTIĠJANAT U GASTRONOMIJA FIL-BELT KAPITALI GĦAWDXIJA
Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex serviet ta’ vetrina ta’ artiġjanat u gastronomija Għawdxija, hekk kif ospitat l-ewwel edizzjoni ta’ TIPIKU, avveniment organizzat mill-Ministeru għal Għawdex, li jippromwovi dak kollu li hu tipikament Għawdxi f’dawn l-oqsma speċifiċi.
L-attività bdiet filgħodu permezz ta’ wirja ħajja tal-arti, artiġjanat u ikel lokali, imżewqa b’mużika u żfin folkloristiku mis-Sinnet Folk Group. B’kollox kien hemm 12-il stall fosthom dawk taċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri. Attrazzjonijiet partikolari kienu dawk tax-xogħol tan-nases, bxiekel u newl u arti oħra. Kmieni filgħaxija mbagħad ingħata bidu għal serata gastronomika b’ikel tradizzjonali Għawdxi u nbejjed magħmula minn għeneb imkabbar f’Għawdex, f’atmosfera divertenti permezz ta’ mużika tradizzjonali, klassika u popolari pprovduta minn Ta’ Verna Folk Music, Cordia String Quartet u The Tramps li baqgħu janimaw is-serata sa nofsillejl. B’kollox kien hemm 14-il tip ta’ nbejjed ‘Għawdxin’ u 14-il tip ta’ platti tipiċi Għawdxin li kienu jinkludu fost affarijiet oħra ravjul bil-ġbejniet, ftira biż-żejt, torot, fenek, kif ukoll imqaret u ġelat Għawdxi.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ltaqgħet mal-parteċipanti fuq l-istalls, li kienu qed joffru l-prodotti tagħhom. Hija qalet li minbarra li tippromwovi prodotti u ikel tipiku Għawdxi, din l-attività kienet intiża wkoll li tippromwovi l-inklużjoni ta’ platti tipiċi Għawdxin fil-menus ta’ stabbilimenti tal-ikel lokali. Żiedet tgħid li l-artiġjanat u l-gastronomija huma żewġ elementi li jagħtu identità lil Għawdex u għalhekk iridu jiġu mħarsa u mgħoddija għat-tgawdija ta’ ġenerazzjonijiet futuri.
Attrazzjoni oħra marbuta ma’ dan l-avveniment kienet il-wirja ta’ 130 vettura antika fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat stess, li ġiet organizzata mill-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki. Il-Ħadd filgħodu dawn il-vetturi kienu għall-wiri wkoll fil-pjazez ewlenin tal-Munxar, in-Nadur u x-Xagħra. Fi tmiem l-attività, il-Ministru Giovanna Debono ppreżentat il-premjijiet lir-rebbieħa fil-pjazza ewlenija tan-Nadur.
TIPIKU ttellgħet mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en