SKULTURA B’DIFFERENZA FI PJAZZETTA FIL-MUNXAR
Fil-Pjazzetta 12 ta’ Diċembru 1957 fil-lokalità tal-Munxar, sar tnaqqix fuq blokka tal-ġebla tal-franka li tiżen madwar ħames tunnellati, taħt id-direzzjoni tal-Iskultur Awstrijakk Christian Koller.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said iltaqgħu ma’ dan l-iskultur u mas-Sindku tal-lokalità s-Sur Joseph Sultana fl-istess Pjazzetta. Huwa ta dettalji dwar dan il-proġett li sar fuq l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Munxar u li l-għan tiegħu hu li jgħaqqad aktar il-komunità tal-istess lokalità. L-Ambaxxatriċi Awstrijaka għal Malta, l-E.T. Petra Maria Schneebauer kienet ukoll preżenti għal din iż-żjara.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-Munxarin kollha b’mod partikolari t-tfal kellhom l-opportunità li jkunu parti minn dan il-proġett, fejn naqqxu dak kollu li xtaqu permezz ta’ skarpell jew furmatur, dejjem taħt il-gwida tal-iskultur.
L-Onor. Giovanna Debono qalet li din l-iskultura fiċ-ċentru ta’ waħda mill-pjazez tal-Munxar, hija simbolu qawwi tal-għaqda bejn il-komunità Munxarija u ser isservi bħala punt ta’ riferenza minn ġenerazzjoni għall-oħra. Hija faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Munxar kif ukoll l-appoġġ li ngħata mill-Ambaxxata Awstrijaka f’Malta biex dan il-proġett seta’ jiġi materjalizzat. Il-Ministru Giovanna Debono żiedet tgħid li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jagħti l-appoġġ tiegħu għat-tisbiħ ta’ din il-pjazzetta li ser tkun żona oħra ta’ rikreazzjoni għall-familja f’Għawdex.
L-Onor. Chris Said qal li s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali għen fil-proġett ta’ din il-Pjazzetta hekk kif ix-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tal-IPSL. Barra minn hekk fis-sentejn u nofs li għaddew, il-Kunsill Lokali tal-Munxar irċieva madwar kwart ta’ miljun ewro f’fondi addizzjonali mill-iskemi tal-Kunsilli Lokali. Permezz ta’ dawn il-flus tlesta Ġnien il-Professur Ġuże’ Aquilina li jinkludi bandli u out-door gym, saru 15-il pannella foto-voltaika li qed jintużaw biex jiġġeneraw l-enerġija fl-istess ġnien, qed ikunu restawrati statwa tal-ġebel u erba’ niċeċ, kien installat il-WI-FI fi spazji pubbliċi kif ukoll qed ikun finanzjat ix-xogħol f’erba’ toroq residenzjali.
Huwa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin, ser tiġi nstallata merry-go-round għat-tfal biex il-Pjazzetta 12 ta’ Diċembru 1957, tiġi inawgurata uffiċċjalment f’Jum il-Munxar, fit-12 ta’ Diċembru 2011.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en