DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 3 TA’ NOVEMBRU 2011
Poplu li jikteb huwa poplu li jaħseb. Poplu li jikteb huwa poplu li jemmen fil-ġejjieni u li jħoss id-dmir li jgħaddi l-esperjenzi tiegħu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajh. Mingħajr il-kelma miktuba aħna nkunu poplu mingħajr passat, mingħajr għeruq; mingħajr identità. Il-ktieb jgħidilna aħna min aħna, jgħidlna xi nħossu, ifakkarna fil-ferħ tagħna, fil-weġgħat, fil-waqgħat u fil-kisbiet. Il-ktieb huwa d-dokument tal-poplu u tal-pajjiż.
Għalhekk illum qed nerġgħu niċċelebraw il-Ktieb. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, issa ilu magħna 40 sena u llum sar avveniment mill-aktar important fil-kalendarju nazzjonali.
Meta l-Istat jippremja l-aħjar kotba li jkunu ġew ippubblikati, mhux biss ikun qed jonora lill-kittieba u lil dawk kollha involuti fid-dinja tal-ktieb, imma jkun fuq kollox qed jirrikonoxxi u jenfasizza l-importanza tal-kelma miktuba.
Meta wieħed iqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna, hi tassew ħaġa tal-iskantament tara kemm kotba jiġu ppubblikati ... rata ta’ kważi 400 ktieb fis-sena. U b’sodisfazzjoni kbir ngħid li dan mhux fenomenu biss ta’ żmienna. Sa aktar minn seklu ilu, kellna fostna ħassieba u kittieba li sa minn kmieni fehmu l-ħtieġa tal-qari, u ħadmu bla heda biex iressqu l-ktieb qrib il-poplu. Minn ta’ quddiem nett jiġi f’moħħi l-filantropu Alfons Maria Galea, li fl-1899 kien ħolom bl-idea tal-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien, sensiela li matul 16-il sena sħaħ laħħqet il-150 ktieb. Wara biss 6 snin li Alfons Maria Galea beda din l-intrapriża, kien diġà stampa mal-100,000 kopja.
Jekk suċċess bħal dan seta’ jinkiseb fi żminijiet meta l-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, kien għadu illitterat, kemm għandna nqawwu qalbna llum, li f’din id-direzzjoni mxejna b’passi ta’ ġgant ’il quddiem?
Din is-sena qed infakkru l-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Dun Karm ma kitibx biss l-Innu Malti iżda hu kittieb importanti fil-qasam letterarju u l-kotba tiegħu u dwaru għadhom imfittxija sal-lum. Fil-fatt, il-Ministeru li jien immexxi, f’din l-okkażżjoni ppublikajna ktejjeb li qassamna lit-tfal tal-iskejjel primarji kollha, b’poeżiji ta’ Dun Karm. Għinna biex kien pubblikat ktieb ġdid dwar il-ħajja ta’ Dun Karm u permezz ta’ Kumitat li twaqqaf apposta biex ifakkar din l-okkażżjoni, ikkumissjonajna l-produzzjoni ta’ CD b’poeżiji ta’ Dun Karm immużikati minn Mro. Sammy Galea u kantati minn kantant popolari.
Sa ftit ilu x’aktarx li lkoll kellna l-impressjoni li aħna poplu li ma jaqrax. U jkollna nammettu li meta nitqabblu ma’ ċerti pajjiżi, l-aktar dawk Skandinavi, tabilħaqq insibu li għad fadlilna ħafna x’naqdfu. Imma s-survey nazzjonali li sar is-sena l-oħra, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, wera li 86 fil-mija tal-Maltin, jistgħu jissejħu qarrejja. Naturalment, hawnhekk qed ninkludu wkoll dawk li jaqraw rivisti, gazzetti jew jagħmlu riċerka minn fuq l-internet. Skont kriterji internazzjonali, dawn ukoll għandhom jitqiesu bħala qarrejja. Iżda meta mbagħad niġu biex naraw kemm Maltin jaqraw kotba, b’dispjaċir insibu li l-persentaġġ jitbaxxa ħafna.
Jiena inħoss li dan huwa propju l-qasam fejn ilkoll flimkien jeħtieġ li naħdmu aktar. Jeħtieġ nikkonvinċu lill-poplu, u lit-tfal qabel kollox, li l-ktieb jista’ mhux biss joffrilna informazzjoni u tagħlim, imma qabel kollox jaf joffrilna ħafna divertiment.
F’okkażjoni bħal din tal-lejla, meta qegħdin naraw din ix-xita ta’ kotba ... kotba ta’ kull ġeneru, ta’ kull livell u għal kull età, aktar inħoss il-bżonn li dawn il-kotba jaslu mhux biss għand min huwa diġà kkonvertit; mhux biss għand l-istudent u l-istudjuż, imma jaslu għand il-poplu kollu.
Illum aħna qed nippremjaw dawk il-kotba, li skont il-ġurija magħżula, jiddistingwu ruħhom għall-eċċellenza tagħhom. Iżda kif jaf kulħadd, f’kompetizzjoni bħal din jirbaħ ktieb u mhux ieħor fuq ġudizzju suġġettiv skont kif il-ktieb jolqot lil min jiġġudikah. Dan ma jfissirx li l-kotba li l-lejla m’humiex qed jingħataw premju, huma kotba inferjuri. Fil-famuż Booker Prize tal-Ingilterra, il-kotba li ma jirbħux premju, bosta drabi jkunu l-aktar kotba li jinqraw u li jiksbu popolarità.
Jiena minn qalbi nifraħ lir-rebbieħa kollha, kif ukoll lil kull min qed jaħdem fil-qasam tal-ktieb: lill-kittieba, illustraturi, u pubbikaturi, anki lid-distributuri u l-bejjiegħa tal-kotba ... lil dawk kollha li qegħdin jagħmlu ħilithom biex il-ktieb f’pajjiżna jsib ruħu f’kull dar. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, jingħata darba fis-sena, iżda kull meta naraw persuna qed taqra ktieb, ikunu qed nirċievu “premju nazzjonali” tal-akbar valur.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en