DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 3 TA’ NOVEMBRU 2011.
F’pajjiżna niċċelebraw ħafna affarijiet. Niċċelebraw il-festi nazzjonali tagħna ... il-festi fl-irħula u l-ibliet. Niċċelebraw it-tradizzjoni, l-istorja u l-folklor. Nifirħu bl-anniversarji. Infakkru l-eroj u dawk li ħadmu biex illum qed ingawdu pajjiż aħjar. Niċċelebraw l-arti, il-mużika, l-isport, it-teatru ... u jixraq li – almenu darba f’sena – niltaqgħu hawn fil-Berġa ta’ Kastilja biex bħala poplu niċċelebraw il-ktieb Malti.
Jgħidu li biex tiskopri sew pajjiż, apparti li żżuru, jeħtieġ taqra l-kotba li kitbu niesu – mhux biss dawk miktubin biex jiddeskrivu l-pajjiż fl-iċken dettall, iżda anke l-letteratura miktuba mill-kittieba tiegħu, li bejn il-linji titfa’ dawl qawwi fuq il-pajjiż, fuq l-identità tal-poplu, fuq dak li jfittex l-iżjed, fuq il-mod kif jgħix u fuq l-aspettattivi tiegħu tul il-ħajja. Il-kittieba jħossu l-polz tal-ġenerazzjoni tagħhom u f’kitbiethom janalizzawh. Illum nitkellmu dwar epoki differenti fl-istorja u nħossuna komdi nitkellmu dwarhom fid-dettall għaliex il-kittieba ta’ dak iż-żmien ħallewlna l-kitbiet tagħhom, li baqgħu għaddejjin minn ġenerazzjoni għall-oħra sakemm waslu għandna. Iżjed ma mmorru lura fl-istorja iżjed insibuha diffiċli nagħrfu x’tip ta’ ħajja kienu jgħixu n-nies ta’ dakinhar għax anqas insibu kitba li tmur lura għal dak iż-żmien. Il-kittieb, għalhekk, jibqa’ jiddokumenta żmienu u jħalli riżorsa importanti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajh.
Il-kotba li llejla qegħdin hawn biex nippremjaw għad ikunu riflessjoni ta’ pajjiżna għal dawk li ġejjin warajna, li – biex jiflu aħjar il-ħajja f’Malta fit-tieni deċennju tas-seklu, se jaraw ukoll x’kotba inkitbu, x’ideat ġew espressi, x’divertiment ġie offrut lill-qarrejja. Fuq kollox, se jaraw, permezz tal-ktieb, il-kreattività ta’ poplu fl-aqwa tagħha – mill-kittieba sad-disinjaturi, mill-fotografi sal-illustraturi, mill-pubblikaturi sal-istampara. Se jaraw sa fejn kienet twassal l-immaġinazzjoni, it-talent u r-rieda ta’ dawk kollha involuti fis-settur.
Hu ta’ sodisfazzjon għalija li, il-kotba Maltin għat-tieni sena konsekuttiva kienu fil-qalba tal-akbar fiera tal-kotba fid-dinja, dik ta’ Frankfurt. F’kull wieħed minnhom kien hemm ambaxxatur denju ta’ pajjiżna. Apparti stedina għal qari, il-ktieb Malti barra minn Malta huwa stedina lil kull min hu interessat li jiskoprina, bħala poplu u bħala pajjiż. Il-Fiera ta’ Frankfurt tfakkarna fil-mixja tal-ktieb għaliex baqgħet tittella’ proprju ftit kilometri bogħod minn fejn Gutenburg ħaddem l-ewwel stamperija u rrivoluzzjona l-komunikazzjoni, kif kellhom jirrivoluzzjonaw il-komunikazzjoni protagonisti oħra kbar li ġew wara. Id-dinja, anke dik tal-ktieb, ma waqfitx tinbidel, u r-rata tal-bidla fl-aħħar snin bħal ħadet dimensjoni ġdida b’avvanzi teknoloġiċi kbar.
Ftit tal-jiem ilu d-dinja fakkret lil Steve Jobs, Gutenburg ieħor ta’ żmienna, li biddel il-mod kif ngħixu u nikkomunikaw. Ċekken il-kompjuter b’tali mod li beda jidħol fil-bwiet; kompla jeqred id-distanzi u għamel il-komunikazzjoni iżjed immedjata. Kienu anke l-invenzjonijiet tiegħu li wasslu biex ftit tas-snin ilu kien hemm min staqsa jekk dawn l-avvanzi teknoloġiċi kinux se jfissru t-tmiem tal-ktieb kif konna nafuh. Għalkemm il-mistoqsija tibqa’ valida, kull ma jmur qed naraw iżjed pubblikaturi li qed jużaw il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni biex iżjed ikattru l-imħabba lejn il-ktieb u jħajru iżjed qarrejja jaqbdu ktieb – f’liema forma jkun. Hija sfida għall-pubblikaturi u nħeġġeġ anke lill-pubblikaturi tagħna biex ikomplu jaħtfu din l-opportunità u juru l-kreattività, id-dinamiżmu u d-dedikazzjoni tagħhom b’modi ġodda. Kwalunkwe forma li jieħu l-ktieb, l-ebda invenzjoni ma tista’ tibdel ir-relazzjoni maġika li tinħoloq bejn kittieb u qarrej. Kif qal Edward Morgan, il-ktieb jibqa’ l-uniku post li fih tista’ teżamina b’reqqa ħsieb fraġli bla ma tkissru. L-uniku post fejn tista’ tesplora splussiv bla ebda biża’ li se jieħu.
Qegħdin hawn illejla biex flimkien niċċelebraw sena oħra ta’ pubblikazzjonijiet ... sena oħra ta’ kotba ... sena oħra ta’ letteratura u ta’ riċerka ... ta’ stampar u produzzjoni ... ta’ editjar u disinji. Inħossni onorat inkun magħkom illejla għax nara fikom – pubblikaturi, kittieba, edituri, stampaturi u disinjaturi – importanza kbira. Intom qed iżżommu mhux biss il-ktieb Malti ħaj, iżda – fuq kollox – qed iżżommu ħajja l-identità tagħna bħala poplu. Qed tgħinu fuq kollox biex inżommu l-ilsien Malti ħaj u rilevanti.
Dan huwa żmien eċċitanti anke għal-lingwa Maltija, li - kif għamlet tul l-istorja kollha tagħha - tkompli tinfluwenza ruħha minn xejriet lingwistiċi oħra u tkompli taġġorna ruħha. Min jiċċettja bil-Malti, min jibgħat sms bil-mowbajl u l-użu ta’ tweets u social networks oħra bħal facebook, qed jinqeda b’kitba differenti milli nitgħallmu l-iskola. Għall-ewwel lilna l-kbar taħsadna, għax huma ma jirduppjawx il-konsonanti doppji bħalna. Iħallu barra l-għ u l-h. Ittri kapitali kważi ma jeżistux. Lanqas sing u appostrofi. Kieku kont għalliem kont inħossni mhedded b’din il-kitba l-ġdida. Imma r-riċerka ta’ akkademiku famuż u li sena ilu żar pajjiżna, David Crystal, tindika li t-teknoloġija qed tagħti opportunità ġdida, lil tant eluf ta’ nies li qabel ma kinux jiktbu, biex jiktbu ta’ kuljum. U biex fil-limiti li joffri messaġġ qasir – l-sms - tikteb sentenza sħiħa. L-istess riċerka turi li għalkemm hu minnu li l-istudenti jistgħu jitħawdu għax jinqdew bil-kitba tal-sms’s f’komponiment, meta jagħlqu 16-il sena ma jibqgħux jiżbaljaw u t-taqsiriet jibdew jużawhom biss għal sms jew għaċ-chat, u l-kliem sħiħ, kif mgħallem l-iskola, jużawhom għal dokumenti uffiċjali u meta jkollhom bżonn jiktbu b’mod sħiħ.
Xieraq li nsemmi lill-Kunsill tal-Ktieb, li qed ilaqqagħna hawn illejla, kif jagħmel kull sena, biex niċċelebraw il-ktieb. Il-Kunsill tal-Ktieb kien storja ta’ suċċess u l-inizjattivi li qed jieħu mhux biss qed jiżdiedu iżda qed iħallu l-frott meħtieġ.
Xieraq li f’serata bħal din tal-lejla ndur lejn il-kittieba u, f’isem il-pajjiż sħiħ, nirringrazzjakom. Nifhem li huwa l-amor proprju li jħeġġiġkom tkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħkom. Nifhem is-sagrifiċċji li tagħmlu biex kull tant snin iżżommu l-appuntament tagħkom mal-qarrejja b’xogħlijiet ġodda. Iżda qed tħallu warajkom dokument ħaj, li se jibqa’ jitgawda għal ħafna snin.
Nifraħ illejla mal-pubblikaturi, li qed iżommu l-ktieb Malti ħaj, kultant bi sfidi kbar. Nifhem l-isfidi u huwa għalhekk li rridu naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed – sabiex inkattru l-imħabba lejn il-qari u noħorġu b’inizjattivi li jgħinu fit-tixrid tal-ktieb. Il-preżenza tal-ktieb Malti fil-Fiera ta’ Frankfurt hija biss waħda minn bosta inizjattivi li qed naħdmu fuqhom bħala Gvern sabiex ngħinu nkabbru s-suq għall-ktieb Malti.
Bit-twaqqif tal-Kunsill tal-Maltin ta’ Barra li ħabbarna din il-ġimgħa, se nżidu l-ħidma tagħna biex naraw li l-ktieb Malti jkun disponibbli f’kull komunità Maltija barra minn Malta. Għall-pubblikaturi tagħna dan ikun ifisser suq ieħor. Jeħtieġ naraw li l-Fiera tal-Ktieb tkompli tikber u tevolvi, filwaqt li tirrifletti d-dinamiċità tal-ktieb u tagħmel l-esperjenza tal-ktieb iżjed eċċitanti.
Bħala Gvern nibqgħu impenjati biex inxerrdu iżjed il-ktieb Malti. Għandna skemi apposta għall-Kunsilli Lokali biex ikabbru l-libreriji tagħhom, għandna programmi fi skejjel immirati biex inisslu l-imħabba lejn il-qari sa minn età żgħira u grazzi għall-grupp ta’ ħidma dwar l-ekonomija kreattiva, qed naħdmu, biex is-suq tal-ktieb jiġi rikonoxxut dejjem aktar anke bħala sors li jikkontribwixxi għall-ekonomija u li jeħtieġ li jgawdi minn inċentivi sabiex ikompli jikber u jiżviluppa.
Sinjuri,
Persważ li l-kittieba, pubblikaturi, tradutturi, illustraturi u disinjaturi preżenti hawn illejla qed tistennew b’ħerqa t-tħabbir tar-riżultat. Iżda lil hinn mir-riżultat, nifirħilkom li qegħdin hawn illejla. Ifisser, qabel xejn, li intom ċittadini b’sens ċiviku qawwi. Li dak li għandkom ma żżommuhx għalikom iżda xxerrduh madwarkom ... li t-talent tagħkom taqsmuh mal-bqija tal-pajjiż. Tagħmluna kburin b’ħidmietkom u ta’ dan ma nistgħu nuru xejn ħlief gratitudni u ammirazzjoni.
Hemingway iddeskriva l-ktieb bħala l-iżjed ħabib leali. Ħabib li ssibu f’kull ħin, lest biex idaħħlek f’dinja ta’ skoperta. Bi ktieb fid-dar m’inti qatt waħdek. F’isem eluf ta’ qarrejja, li jsibu l-wens, il-ferħ u l-għarfien fil-kotba tagħkom, nirringrazzjakom.
Il-lejla hija l-lejla tagħkom. Qed niċċelebraw it-talent u l-kontribut li qed tagħtu lil pajjiżna.
Mill-qalb nifirħilkom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en