STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
Attakki mgħaġġla tal-Oppożizzjoni fuq il-Korp tal-Pulizija
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-istqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Michael Falzon tal-31 t’ Ottubru. Din l-stqarrija kienet mimlija b’attakki inġustifikati, mwielda minn ġudizzji mgħaġġla kontra l-Korp tal-Pulizija - ġudizzji li huma mmarkati b’attentat biex jipprovaw jieħdu vantaġġi politiċi apparenti billi jipprovaw jesaġeraw u b’dan jallarmaw l-pubbliku dwar iż-żamma tal-ordni f’Paceville.
Tul l-aħħar snin sfortunatament, l-Oppożizzjoni ppruvat taqbad din il-kampanja denigratorja rigward il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija, preċiżament sabiex tagħti l-impressjoni negattiva li ma teżistix.
Il-fatti llum ġew stabbiliti b’mod mill-aktar ċar u dan wara li l-istess Korp kellu l-Opportunità li jinvestiga u janaliżża kif imiss dak li deher fil-ġurnali. Kien għal kollox mgħaġġel u żbaljat li l-imsemmi kelliem qagħad fuq dak li deher mingħajr anqas ipprova b’xi mod jivverifika l-eventi. Il-kampanji medjatiċi meta jsiru ‘l bogħod mill-fatti ma jwasslux għar-riżultati t-tajba, iżda propju għall-kontra.
Il-Korp u l-Kummissarju nnifsu irrispondew pubblikament għal dawn l-allegazzjonijiet, u jirriżulta li l-Pulizija ħadet passi immedjati dwar dan il-każ. Kien għal kollox żbaljat dak li ngħad, jiġifieri li ma ttieħdux passi u azzjoni jew, agħar minn hekk, li xi membri tal-Korp abdikaw mir-responsabilitajiet tagħhom bħalma, fl-għaġġla tad-dikjarazzjoni tiegħu, għamel il-kelliem tal-Oppożizzjoni. Il-fatti huma li f’dan il-każ partikolari l-Pulizija intervjeniet saħansitra ftit minuti wara li seħħ dan l-inċident. Għalhekk kuntrarjament għal dak li kien allegat, kien hemm il-preżenza tal-Pulizija li għamlet dmirha kif kellha u skont is-setgħat li tagħtiha l-liġi.
Paceville ma hix nieqsa mill-preżenza kontinwa, neċessarja u bilanċjata tal-Korp. Dan huwa post li huwa magħruf għad-divertiment u ħadd ma jista’ jippretendi li ma jqumux kwistjonijiet fejn jinġemgħu mases kbar ta’ nies. Madanakollu l-fatti juru li mhux talli kull darba, f’kull okkażjoni l-Korp jintervjeni, anzi jittieħdu l-passi kontra min jikkommetti r-reati ta’ kull gravità.
Ma għandux jkun li l-Oppożizzjoni għall-gallarija u logħob politiku żbaljat tkompli tipprova tgħid li episodju ta’ argument bejn żewġ persuni li ddeġenera, u li bħalu jistgħu jseħħu f’kull lokalità f’Malta u Għawdex, huwa tant gravi li toħrog tattakka l-Korp tal-Pulizija. Il-membri tal-Korp tal-Pulizija jagħmlu xogħol tajjeb ħafna f’Malta u Għawdex u anki f’Paceville u għalhekk ħaqqhom l-apprezzament tas-soċjetà u mhux l-kundanni tal-Oppożizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en