Left arrow Mur Lura

DISKORS TAL-GĦELUQ MILL-ONOR TONIO BORG, VICI PRIM MINISTRU WAQT IL-PARLAMENT TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ, ORGANIZZAT MILL-KUMISSJONI NAZZJONALI PERSUNI B’DIŻABILTÀ, KAMRA TAL-ARAZZI, IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS 3 TA’ NOVEMBRU 2011

pr2111
Date Icon 03/11/2011

Onorevoli Mr Speaker

Onorevoli Dr Kosa

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni

Mistiedna distinti

Sinjuri

Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nkun hawn għal dan it-tmien edizzjoni tal-Parlament tal-Persuni b’Diżabilità.  Parlament li jissimbolizza l-ogħla instituzzjoni ta’ pajjiżna.

Huwa sodisfazzjon bħala Malti.  Malti, kburi bil-valuri li sawru dan il-poplu tagħna u li servew bħala ispirazzjoni għal politika f’dan il-qasam u oqsma oħra.  Huma ukoll valuri li jigwidaw lilna bħala poplu u li jiffurmaw l-identità tagħna li hi mgħonija bil-valuri tar-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u s-solidarjetà.

Valuri li ggwidaw il-Parlament fit-tfassil tal-leġislazzjoni favur il-persuni b’diżabilità, inkluż il-liġi ‘Opportunitajiet Indaqs.’  Din il-liġi kienet l-ewwel liġi li għadda l-Parlament Malti fit-tieni millenju u kkonsolidat il-valuri tagħna.  Liġi li kkonsolidat it-triq li l-pajjiż u l-poplu kien ilu li beda fejn fid-diżabilità naraw l-abilità ta’ kull persuna. 

Biex inkomplu nibnu fuq dan il-pedament, Malta mistennija li tirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fiż-żmien qasir.

Dawn il-liġijiet mhumiex la l-bidu u la it-tmiem tal-ħidma tagħna bħala pajjiż.  Ħdimna flimkien, Gvern, Knisja u s-soċjetà ċivili, tul is-snin mhux biss biex ħadd ma jibqa` lura imma biex kullħadd javvanza ’il quddiem.  F’dan is-sens kien hemm żewġ avvenimenti f’pajjiżna li mmarkaw din il-mixja tagħna; it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza u tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

Bħala pajjiż ma nistgħux ma nirrikonnoxxux il-ħidma tal-Knisja Maltija f’dan il-qasam li sawret l-impenn, l-imħabba u s-solidarjetà lejn il-persuni b’diżabilità.  Ix-xogħol siewi ta’ Dun Mikiel Azzopardi bit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza fl-1965 fisser li f’pajjiżna għandna monument ħaj tal-valuri tagħna u tal-volontarjat.  F’din is-sena ddedikata lill-volontarjat nixtieq nirrigrazzja u nuri l-apprezzament tal-Gvern lill-voluntiera kollha li jaħdmu f’dan il-qasam.  Tagħmluna kburin bil-ħidma u d-dedikazzjoni tagħkom.

It-twaqqif tal-KNPD fil-1987, li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien l-ewwel President tagħha, kien pass ieħor importanti għal pajjiżna.  Il-Kummissjoni kienet katalist ewlieni fil-bidla tal-mentalità li seħħet fil-poplu Malti.  Din il-Kummissjoni tibqa` ċentrali fis-soċjetà tagħna anke illum il-ġurnata fejn permezz tas-servizzi li toffri aktar familji u individwi qed igawdu mill-inklussività u il-mobilità.

Aktar kmieni din is-sena ġie inawgurat iċ-Ċentru ‘Sonia Tanti’.  Ċentru li mhux biss qiegħed joffri tant servizzi imma qiegħed jiżdied ukoll mal-benefiċji li il-Kummissjoni rċieviet mill-Unjoni Ewropea.  F’dawn is-seba’ snin ta’ sħubija, il-poplu kollu gawda minn investimenti u skemi l-iktar il-persuni b’diżabilità.  Nixtieq nifraħ lill-Kummissjoni tal-impenn u d-dedikazzjoni li qed turi biex aktar persuni jgawdu mill-benefiċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Dan iċ-ċentru sar ħolqa oħra fil-katina ta’ inizjattivi li ttieħdu biex tiżdied l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà.

Mr Speaker

L-inklużjoni hi parti integrali mill-politika tagħna.  Ma rridux li l-persuna b’diżabilità tinbidel għas-soċjetà, imma hemm bżonn li s-soċjetà tinbidel għal persuna b’diżabilità.  Irridu soċjetà inklussiva.

Nemmnu li l-inklużjoni tinkludi il-mobiltà, l-aċċessibiltà u l-edukazzjoni.  Huma dawn it-tliet ingredjenti flimkien li jwasslu għall-integrazzjoni sħiħa ta’ persuna fis-soċjetà.  U huma dawn, it-tlett pilastri tal-politika tal-Gvern.

L-aċċessibilità hija dover li is-soċjetà għandha lejn il-persuni b’diżabilità.  U għalhekk li qed ngħinu aktar nies jinvestu fid-djar tagħhom biex isiru aktar aċċessibli.  F’dawn l-aħħar tliet snin investejna f’aktar minn miljun ewro biex 270 persuna b’diżabilità jew qraba tagħhom jinvestu fid-dar tagħhom.  Ħriġna numru ta’ skemi għal-Kunsilli Lokali biex huma ukoll jżiedu l-aċċessibilità u il-MEPA qiegħda teżiġi li postijiet ikunu aċċessibli. 

Il-mobilità tikkumplimenta l-aċċessibilità. Irridu aktar persuni b’diżabilità ikollhom ħajja indipendenti fejn huma ukoll jistgħu joħorġu bla xkiel u jgħixu il-ħajja tagħhom.  Qed tingħata eżenzjoni mill-ħlas tal-liċenzja tat-triq kif ukoll mill-ħlas tat-taxxa tar-reġistrazzjoni, fuq vetturi għal persuni b’diżabilità.  Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena aktar minn 140 persuna ngħataw eżenzjoni biex ma jħallsux il-liċenzja tat-triq filwaqt li mal-130 persuna, fl-istess perjodu, ġew eżentati milli jħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-karozza tagħhom.  Din l-iskema għalina mhix miżura fiskali.  Tmur lil hinn minnha.  Għalina hija miżura li permezz tagħha persuna qed takkwista aktar mobilità u għalhekk għandha kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-politika tagħna hija bbażata fuq id-dinjità tal-persuna u li il-bniedem huwa iċ-ċentru u ir-raġuni għall-iżvilupp.  Għalhekk nemmnu tant fl-edukazzjoni.  Irridu li kullħadd jilħaq il-milja tiegħu tkun xi tkun l-abilità tiegħu. Ħdimna u investejna għall-edukazzjoni għal kullħadd.  Fl-1994 introduċejna il-politika ta’ inkluzjoni fl-iskejjel statali kollha.  Ħassejna l-bżonn li nkomplu ninvestu fl-iskejjel speċjali u fl-2010 għamilna riforma fejn issa dawn l-iskejjel nbidlu f’Ċentri ta’ Riżorsa Edukattiva.  F’Settembru fetħu l-bibien tagħhom 4 ċentri u qed jilqgħu fihom aktar minn 200 student.  Komplejna ninvestu f’aktar apparat teknoloġiku.  Din ir-riforma hija ħolqa waħda biss f’sensiela ta’ riformi oħra fosthom itt-transizzjoni mill-iskejjel primarji għal dawk sekondarji, il-kurrikulu Nazzjonali u il-politika u l-istrateġija għall-kisba ta’ ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni.  Barra minn hekk, waqqafna “Learning Support Zones” f’numru ta’ skejjel sekondarji u “Nurture Groups” f’numru ta’ skejjel primarji sabiex inkomplu nsaħħu is-servizzi edukattivi. Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li il-Kummissjoni Ewropea tpoġġi lil-Malta fuq quddiem nett fl-inklużjoni ta’ studenti li għandhom bżonnijiet speċjali fl-iskejjel.

Ninvestu għax nemmnu.  Nemmnu fil-potenzjal ta’ kullħadd.  L-Università qiegħda tinvesti hi ukoll filwaqt li l-MCAST qed jilqa` aktar studenti li jridu ikomplu jistudjaw. 

Ix-xogħol jorbot mal-edukazzjoni.  Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li ix-xogħol jagħti dinjità lill-persuna mhux l-anqas għal persuni b’diżabilità.  Flimkien mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u it-Taħriġ, qegħdin ninvestu fi programmi ta’ taħriġ u “employability”.  Illum hemm aktar minn 900 persuni b’diżabilità li huma reġistrat li qed jaħdmu full-time u aktar minn 200 li jaħdmu “part-time”.  Qed noffru diversi skemi li jinċentivaw lil dawk li jħaddmu sabiex joffru opportunitajiet ta’ impjieg lil persuni b’diżabilità.  L-intrapriża soċjali “Empower” hija ukoll pass ieħor importanti fit-triq tagħna li nkompli nintegraw aktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.  Bħalissa ukoll qed isir programm mill-Fondazzjoni għal-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, ME2, fejn aktar minn 400 persuna b’diżabilità qed jibbenefikaw minn taħriġ u minn esperjenzi ta’ xogħol.  Ingħataw aktar minn 11,400 siegħa ta’ taħriġ.

Il-politika tal-Gvern hi li naħdmu b’ħilitna kollha biex il-persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità – mal-familja tagħhom u kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti.  B’dan l-għan l-Aġenzija Sapport toffri servizzi ta’ sapport fil-Komunità li jinkludu assistenza personali, interventi soċjali, servizzi ta’ riżorsi u servizzi ta’ ħidma soċjali.  Permezz tas-Servizz fil-Komunità, l-Aġenzija tilħaq mal-105 persuna b’total ta’ 600 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa.  L-Aġenzija tmexxi s-Servizzi ta’ Matul il-Jum li bħalissa qegħdin jingħataw minn 9 ċentri mifruxin madwar Malta.

Madanakollu nagħrfu li jkun hemm żmien u jkun hemm ċirkostanzi fejn persuna b’diżabilità ma tkunx tista’ tgħix aktar mal-familja tagħha jew għal rasha.  Nagħarfu l-inkwiet u tħassib tal-ġenituri fuq il-futur ta’ uliedhom. 

Għalhekk il-Gvern qiegħed jinvesti fis-servizzi residenzjali.  Nagħtu kull għajnuna possibbli lid-Dar tal-Providenza filwaqt li l-Awtorità tad-Djar qegħda tassisti bosta għaqdiet volontarji li jipprovdu servizzi ta’ akkomodazzjoni lil persuni b’diżabilità.  Il-Gvern permezz tal-aġenzija Sapport jagħti servizzi residenzjali fi djar fil-Fgura, Ħal Kirkop, Wied il-Għajn, Bormla u l-Imtarfa kif ukoll jamministra postijiet residenzjali f'Dar l-Arka, Għajnsielem, u f’Dar Pirotta, Birkirkara.

Mr Speaker

L-iżvilupp ta’ pajjiżna ma jitkejjilx biss bl-iżvilupp ekonomiku.  Dawn iż-żminijiet ta’ kriżi mondjali li qed ngħixu ifakkruna li l-għan aħħari jibqa` l-iżvilupp tal-persuna.  Jekk il-bniedem ma jkunx fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u soċjali, l-iżvilupp ma jkunx fih għan aħħari.

Nemmnu fil-valur tal-persuna, bl-iżvilupp sħiħ tal-persuna fejn jilħaq il-potenzjal u l-milja tiegħu.  Nemmnu fl-abilitajiet ta’ kullħadd.

Għalhekk intenni f’din is-seduta li rridu nkomplu naħdmu flimkien - Gvern, Oppożizzjoni, Knisja u soċjetà ċivili - sabiex Malta tkun soċjetà aktar inklussiva, fejn ħadd ma jibqa’ lura u fejn il-persuni b’diżabilità jagħtu l-kontribut kollu tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.

Grazzi

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow