MĦABBAR PROĠETT TA’ RESTAWR TA’ 3 IRZIEZET FIL-BUSKETT
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino nieda proġett ta’ konservazzjoni ta’ tlett irziezet li jinsabu ġewwa l-Buskett. Dawn huma r-Razzett tal-Bagħal, ir-Razzett tal-Ispirtu u r-Razzett tal-Bosk.
Dawn l-irziezet inbnew matul il-perijodu (1636-57) fi żmien il-Gran Mastru Lascaris. Ir-Razett tal-Bagħal, li hu l-akbar wieħed mit-tlett irziezet, skont deskrizzjoni li nstabet fl-arkivju tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li ġġib id-data tal-1866 jingħad li kien jikkonsisti fi 3 t’ibtieħi u 3 stallel. Fuq dan il-bini jinstabu 3 emblemi ta’ gran mastri. Mal-faċċata ta’ barra hemm l-emblema tal-Gran Mastru Lascaris, fuq il-bieb man-naħa ta’ ġewwa hemm l-emblema tal-Gran Mastru Wignacourt u fis-sular ta’ fuq hemm l-arma tal-Gran Mastru De Rohan.
Il-Ministru Pullicino ħabbar li l-iskop tal-proġett hu li apparti li jiġu rrestawrati dawn l-irziezet; jipproteġu l-wirt storiku tal-Buskett u jkunu ppreżentati b’mod aktar interessanti biex jintużaw minn nies. Meta jiġu restawrati, dawn il-binjiet ser jintużaw biex joffru varjetà ta’ attrazzjonijiet u faċilitajiet lill-pubbliku bħal faċilitajiet edukattivi u interpretattivi li ser iservu biex jitrawwem għarfien u apprezzament tal-karatteristiċi tal-Buskett.
Fil-fatt ir-Razett tal-Bagħal meta jitlesta se jkun jikkonsisti f’Ċentru tal-Vizitaturi u Ċentru Interpretattiv bl-għan li jaqdi l-funzjoni li jinforma lill-pubbliku dwar dak kollu li joffri l-buskett. Ir-Razett tal-Ispirtu li qabel kien jintuża biex fih jinħażnu l-ispirti u l-fertilizzanti se jintuża għal żewġ skopijiet. Dan se jservi ta’ bażi għar-rangers li se jkunu qed iħarsu l-park kif ukoll se jaqdi l-funzjoni bħala show case ta’ prodotti agrikoli lokali. Ir-razett tal-bosk minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibbilità li għandu hu maħsub li jservi bħala post fejn gruppi żgħar ta’ nies ikunu jistgħu jiltaqgħu u jagħmlu użu minn ċentru li għandu jservi ta’ bażi xjentifika, post fejn isiru studji (workshops) fuq il-bijodiversità u xjenza rurali.
Il-Ministru Pullicino saħaq li l-proġett hu stmat li se jsir b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, li jinkludi wkoll il-finishing tal-progett. il-proġett hu kofinanzjat mill-fondi tal-Iżvillupp Rurali bir-rata ta’ 90%.
Ix-xogħlijiet tar-restawr mistennija li jkunu lesti sa l-aħħar kwart tas-sena 2012 bil-kumplament tal-proġett jitlesta fl-ewwel xhur tas-sena 2013.
“Dan huwa proġett ieħor li ser ikompli jiddiversifika u jikkapitalizza il-potenzjal turistiku konsiderevoli taż-żona waqt li fl-istess ħin iħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna” temm jgħid il-Ministru Pullicino.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en