STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Is-Suċċess fl-Edukazzjoni ddejjaq lill-Partit Laburista
Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam edukattiv minn età bikrija sal-livell terzjarju u tul il-ħajja qed tagħti riżultati pożittivi għall-pajjiż li qed ifixklu lill-Partit Laburista tant li qed jipprova b’kull mod itappan dawn ir-riżultati.
Hekk ipprova jagħmel id-Deputat Mexxej Laburista Anġlu Farrugia li hu x-shadow minister għax-Xogħol u l-Livell tal-Għixien, li llum ħareġ stqarrija dwar is-settur tal-Edukazzjoni li hi mimlija ineżattezzi u nofs veritajiet.
F’din l-istqarrija Anġlu Farrugia jikkwota rapport tal-Unjoni Ewropea ta’ Lulju li għadda fejn jingħad li l-medja ta’ dawk li ma jkomplux bl-istudji tagħhom fl-Ewropa hi ta’ 14.4% filwaqt li skont hu il-medja f’Malta hi ta’ 36.8%. Dan minkejja li l-Gvern ripetutament qal, u l-istatistika tikkonfermah, li dan il-persentaġġ diġa’ naqas għal 32.5% u qed ikompli jonqos.
F’kumment li kelliem għall-Kummissjoni Ewropea ta dwar ir-rapport li għalih jirreferi d-Deputat Mexxej Laburista, qal li Malta miexja biex tilħaq mal-bqija tal-Ewropa għax aktar u aktar studenti qed ikomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja u jekk tkompli b’din ir-rata se tilħaq il-medja Ewropea fi ftit snin oħra. Iżda Anġlu Farrugia dwar dan ma jgħid xejn.
F’Ġunju li għadda, fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet kien hemm 5,058 student li temmew il-ħames klassi tal-iskola sekondarja minn skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti. F’Ottubru ta’ din is-sena fil-Junior College daħlu 1415 student ġdid, fl-MCAST daħlu 2918 filwaqt li fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi daħlu 796 student – total ta’ 5129. Din l-istatistika turi li għandna aktar studenti li jkomplu jistudjaw minn dawk li temmew l-edukazzjoni sekondarja s-sena ta’ qabel. Dan ifisser li għandna żgħażagħ u adulti li qed jifhmu l-importanza li jkomplu jtejbu l-kwalifiki tagħhom u għalhekk anke jekk ikunu għamlu xi żmien barra mill-iskola qed jagħżlu li jidħlu lura biex ikomplu jistudjaw.
Illum, parti mis-suċċess fil-ħidma tal-Gvern biex aktar nies ikomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja, huma l-opportunitajiet kbar li joffri l-MCAST lil dawk li jixtiequ jkomplu jistudjaw iżda mhux fl-Università. Is-suċċess hu dovut ukoll għall-firxa kbira ta’ korsijiet li toffri l-Università u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Dan hu għall-kuntrarju tal-politika żbaljata ta’ Gvernijiet Laburisti tal-imgħoddi li l-pajjiż għadu jsofri minnha sal-lum. Kien Gvern Laburista li għalaq il-Kulleġġ Malti għall-Arti Xjenza u Tekonoloġija u b’hekk tellef lil eluf ta’ żgħazagħ li jkomplu bi studji vokazzjonali għal ħafna snin.
Anġlu Farrugia semma wkoll il-Youth Days u wera li anqas biss jaf x’inhi din l-inizjattiva li hu ddeskriva bħala “parti mill-Youth Programme tal-ETC”. Fil-fatt il-Youth Days huma parti minn inizjattiva finanzjati b’fondi Ewropej maħsuba biex turi liż-żgħażagħ li waslu biex jagħmlu deċiżjoni dwar karriera, x’korsijiet jeżistu li jwasslu għal karriera li huma jkunu jridu jagħmlu. Hu assolutament żbaljat li wieħed jgħid li din l-attivita’ hi maħsuba biex “jitkompla l-pjan fejn l-istudent ma jkomplux l-iskola.....”
Skont il-kelliem Laburista dan iwassal ukoll għal effett fuq ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna fil-futur qrib. Dan meta statistika pubblikata l-bieraħ stess turi li f’Settembru biss il-qgħad reġa’ naqas u l-akbar tnaqqis kien fil-kategorija ta’ dawk bejn il-25 u d-29 sena.
Hemm statistika lokali kif ukoll l-Ewrobarometru jpoġġu lil Malta fuq quddiem nett fl-Ewropa fejn jidħlu l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’xogħol.
Hi assolutament gidba li Anġlu Farrugia jgħid li “l-Ministru issa tisħaq li fl-iskejjel hemm għalliem għal kull 9 studenti”. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina tiċħad li qalet dan. In-numru ta’ 9 studenti għal kull għalliem ħareġ minn rapport tal-Unjoni Ewropea li juża metodoloġija differenti biex wasal għal din il-konklużjoni. Dan għaliex l-għalliema kollha, inklużi għalliema paripatetiċi, koordinaturi tas-suġġetti u oħrajn li qed jaħdmu fl-iskejjel primarji jiġu kalkulati għal dan l-eżerċizzju.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en