Left arrow Mur Lura

TIPIKU - ATTIVITÀ TA’ ARTIĠJANAT U GASTRONOMIJA GĦAWDXIJA

pr2108
Date Icon 03/11/2011

Nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru, il-Ministeru għal Għawdex ser jippreżenta l-ewwel edizzjoni ta’ TIPIKU, li jista’ jiġi deskritt bħala avveniment li jippromwovi l-artiġjanat u l-gastronomija Għawdxija. L-attivitajiet ewlenin ser jinżammu taħt tinda mwaqqfa apposta fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex.

Id-dettalji dwar din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex bil-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex, l-Uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex, flimkien ma’ rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-iskop ta’ din l-attività jaqbel mal-oġġettivi ta’ eko-Għawdex li jfittxu li jiġu protetti u ssalvagwardjati l-istil ta’ ħajja, il-kultura u l-identità ta’ Għawdex. Żiedet tgħid li l-artiġjanat u l-gastronomija huma żewġ elementi li jagħtu identità lil Għawdex. Spjegat kif din l-attività mistennija tkun ta’ attrazzjoni kemm għal Għawdxin kif ukoll għal bosta Maltin u turisti. Hija awgurat li din l-attività jkollha suċċess u b’hekk tkun ta’ inkoraġġiment biex tidħol fil-kalendarju ta’ attivitajiet li jsiru matul ix-xhur meqjusa bħala inqas popolari fil-qasam turistiku.

TIPIKU ser jiftaħ b’attività ta’ artiġjanat, bejn id-9 a.m. u s-2 p.m. fejn Pjazza Indipendenza ser tkun qed toffri vetrina ta’ arti, artiġjanat u ikel lokali, imżewwqa b’mużika u żfin folkloristiku mis-Sinnet Folk Group.  B’kollox ser ikun hemm 12-il stall fosthom dawk taċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri.  Attrazzjoni partikolari ser tkun dik ta’ individwi jipprattikaw is-snajja’ tagħhom fosthom ix-xogħol tan-nases, tal-bxiekel, newl u arti oħra.

Fis-6.30 p.m. jingħata bidu għal serata gastronomika b’ikel tradizzjonali Għawdxi u nbejjed magħmula minn għeneb imkabbar f’Għawdex, f’atmosfera divertenti permezz ta’ mużika tradizzjonali, klassika u popolari pprovduta minn Ta’ Verna Folk Music, Cordia String Quartet u The Tramps, li ser jibqgħu janimaw is-serata sa nofsillejl. B’kollox ser ikun hemm 14-il tip ta’ nbejjed ‘Għawdxin’ u 14-il tip ta’ platti tipiċi Għawdxin li jvarjaw mill-ewwel platt sa deżerta. Din l-attività ser isservi wkoll biex tiġi promossa l-inklużjoni ta’ platti tipiċi Għawdxin fil-menus ta’ stabbilimenti tal-ikel lokali.

Attrazzjoni oħra marbuta ma’ dan l-avveniment ser tkun wirja ta’ 130 vettura antika fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat stess, li qed tiġi organizzata mill-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki.  L-għada l-Ħadd, dawn il-vetturi ser ikunu għall-wiri fil-pjazez ewlenin tal-Munxar, in-Nadur u x-Xagħra, bejn id-9 a.m. u t-3.30 p.m. Dawn il-vetturi ser ikunu qed iduru wkoll madwar Għawdex, fejn mistennija jagħmlu madwar 40 kilometru, l-akbar rotta li qatt saret fil-gżira Għawdxija u wara ssir preżentazzjoni tat-trofej lir-rebbieħa fil-pjazza tan-Nadur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow