Left arrow Mur Lura

GĦOTI TA’ ĊERTIFIKATI LIL LEARNING SUPPORT ASSISTANTS

pr2105
Date Icon 03/11/2011

L-LSAs jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjet it-tfal

L-akbar sodisfazzjoni li jista’ jkollu Learning Support Assistant hu meta jisma’ lill-ġenituri jgħidu li bil-ħidma tagħhom dawn jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ uliedhom. 

Dan il-messaġġ twassal minn Learning Support Assistant, minn omm ta’ tifel li għandu s-servizz ta’ LSA u mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina li l-bieraħ ippreżentat ċertifikati lil madwar 100 Learning Support Assistant li temmew korsijiet ta’ bejn 70 u 140 siegħa, organizzati mid-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent fid-Direttorati Ġenerali tal-Edukazzjoni.

Il-Ministru Cristina saħqet li rridu nkomplu nsaħħu s-sistema ta’ Edukazzjoni Inklussiva biex b’hekk nagħtu ċans lit-tfal kollha li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

L-Edukazzjoni Inklussiva kienet introdotta f’Malta lejn tmiem is-snin 90 u baqgħet tissaħħaħ kontinwament.  Biex stajna nagħmlu dan kien hemm bżonn li nimpjegaw nies imħarrġa apposta biex jagħtu appoġġ fil-klassi kemm lill-għalliema kif ukoll lil studenti li kienu jippreżentaw xi tip ta’ diffikultà.

Il-Facilitators, kif kienu jissejħu oriġinarjament, kienu jingħataw kors qasir biex ikunu jistgħu jaqdu dan id-dmir ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali.

Il-lum, il-ħidma tal-Facilitators twessgħat u allura kien hemm bżonn li anke t-taħriġ li jingħataw ikun aġġornat.  Il-Learning Support Assistants issa qed jingħataw korsijiet ta’ taħriġ li jvarjaw minn 70 siegħa għal 140 siegħa, skont l-esperjenza li jkunu kisbu, biex ikunu jistgħu jaqdu aħjar id-dmirijiet mitluba minnhom.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni sostniet li wieħed irid iħares lejn l-inklużjoni minn lenti wiesa’ ħafna.  Sa ftit snin ilu meta kont issemmi l-kelma “inklużjoni” moħħna kien imur lejn persuni b’xi forma ta’ diżabilita’. Il-lum b’ “inklużjoni” nifhmu t-tfal kollha, bir-realtajiet individwali u differenti tagħhom.

Illum, l-LSAs qegħdin fil-klassijiet biex jgħinu lill-għalliema mat-tfal kollha filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għal dawk li għandhom dak li jissejjaħ “Statement of Needs”. Id-deskrizzjoni tal-impjieg tal-għalliema ġiet żviluppata wkoll biex tassigura li dawn għandhom responsabbilta’ sħiħa għat-tagħlim tat-tfal kollha, huma x’inhuma d-diffikultajiet tagħhom.

Din il-kultura inklussiva kompliet tissaħħaħ bir-riforma tat-tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja fejn issa nħolqu klassijiet bi tfal b’abiltajiet differenti.  L-għalliema qed jingħataw taħriġ apposta biex ikunu jistgħu jaħdmu ma’ tfal b’ħiliet differenti.  Anke l-istudenti jibbenefikaw minn din is-sistema għax jiżviluppaw huma wkoll valuri inklussivi.

F’dan l-ambjent, studenti li huma statemented kapaċi jiżviluppaw aħjar il-ħiliet intelletwali u soċjali tagħhom.  F’dan l-ambjent, l-LSAs iridu jaħdmu mal-istudenti kollha.

Il-Ministru fakkret li llum fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u f’dawk Indipendenti hemm 2,029 Learning Support Assistants li bejniethom qed jgħinu lil 3231 student.  Il-Gvern iħallas mhux biss għall-LSAs fl-iskejjel tiegħu u tal-Knisja imma jħallas ukoll lil ġenituri li għandhom tfal fi skejjel Indipendenti u li jkunu jinħtieġu s-servizz tal-LSA.

Il-Ministru Cristina uriet l-apprezzament tagħha għall-ħidma ferm siewja li l-LSAs jagħtu biex is-sistema edukattiva tagħna tirnexxi u biex it-tfal kollha jħossuhom inklużi u jiffurmaw parti minn soċjeta’ waħda huma x’inhuma l-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.

Hi rringrazzjat ukoll lill-għalliema kollha u lill-profesjonisti l-oħra li llum hemm fl-iskejjel, li bil-ħidma tagħhom ilkoll fis-servizz tal-istudent, qed jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjithom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow