GĦOTI TA’ ĊERTIFIKATI LIL LEARNING SUPPORT ASSISTANTS
L-LSAs jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjet it-tfal
L-akbar sodisfazzjoni li jista’ jkollu Learning Support Assistant hu meta jisma’ lill-ġenituri jgħidu li bil-ħidma tagħhom dawn jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ uliedhom.
Dan il-messaġġ twassal minn Learning Support Assistant, minn omm ta’ tifel li għandu s-servizz ta’ LSA u mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina li l-bieraħ ippreżentat ċertifikati lil madwar 100 Learning Support Assistant li temmew korsijiet ta’ bejn 70 u 140 siegħa, organizzati mid-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent fid-Direttorati Ġenerali tal-Edukazzjoni.
Il-Ministru Cristina saħqet li rridu nkomplu nsaħħu s-sistema ta’ Edukazzjoni Inklussiva biex b’hekk nagħtu ċans lit-tfal kollha li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
L-Edukazzjoni Inklussiva kienet introdotta f’Malta lejn tmiem is-snin 90 u baqgħet tissaħħaħ kontinwament. Biex stajna nagħmlu dan kien hemm bżonn li nimpjegaw nies imħarrġa apposta biex jagħtu appoġġ fil-klassi kemm lill-għalliema kif ukoll lil studenti li kienu jippreżentaw xi tip ta’ diffikultà.
Il-Facilitators, kif kienu jissejħu oriġinarjament, kienu jingħataw kors qasir biex ikunu jistgħu jaqdu dan id-dmir ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali.
Il-lum, il-ħidma tal-Facilitators twessgħat u allura kien hemm bżonn li anke t-taħriġ li jingħataw ikun aġġornat. Il-Learning Support Assistants issa qed jingħataw korsijiet ta’ taħriġ li jvarjaw minn 70 siegħa għal 140 siegħa, skont l-esperjenza li jkunu kisbu, biex ikunu jistgħu jaqdu aħjar id-dmirijiet mitluba minnhom.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni sostniet li wieħed irid iħares lejn l-inklużjoni minn lenti wiesa’ ħafna. Sa ftit snin ilu meta kont issemmi l-kelma “inklużjoni” moħħna kien imur lejn persuni b’xi forma ta’ diżabilita’. Il-lum b’ “inklużjoni” nifhmu t-tfal kollha, bir-realtajiet individwali u differenti tagħhom.
Illum, l-LSAs qegħdin fil-klassijiet biex jgħinu lill-għalliema mat-tfal kollha filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għal dawk li għandhom dak li jissejjaħ “Statement of Needs”. Id-deskrizzjoni tal-impjieg tal-għalliema ġiet żviluppata wkoll biex tassigura li dawn għandhom responsabbilta’ sħiħa għat-tagħlim tat-tfal kollha, huma x’inhuma d-diffikultajiet tagħhom.
Din il-kultura inklussiva kompliet tissaħħaħ bir-riforma tat-tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja fejn issa nħolqu klassijiet bi tfal b’abiltajiet differenti. L-għalliema qed jingħataw taħriġ apposta biex ikunu jistgħu jaħdmu ma’ tfal b’ħiliet differenti. Anke l-istudenti jibbenefikaw minn din is-sistema għax jiżviluppaw huma wkoll valuri inklussivi.
F’dan l-ambjent, studenti li huma statemented kapaċi jiżviluppaw aħjar il-ħiliet intelletwali u soċjali tagħhom. F’dan l-ambjent, l-LSAs iridu jaħdmu mal-istudenti kollha.
Il-Ministru fakkret li llum fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u f’dawk Indipendenti hemm 2,029 Learning Support Assistants li bejniethom qed jgħinu lil 3231 student. Il-Gvern iħallas mhux biss għall-LSAs fl-iskejjel tiegħu u tal-Knisja imma jħallas ukoll lil ġenituri li għandhom tfal fi skejjel Indipendenti u li jkunu jinħtieġu s-servizz tal-LSA.
Il-Ministru Cristina uriet l-apprezzament tagħha għall-ħidma ferm siewja li l-LSAs jagħtu biex is-sistema edukattiva tagħna tirnexxi u biex it-tfal kollha jħossuhom inklużi u jiffurmaw parti minn soċjeta’ waħda huma x’inhuma l-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.
Hi rringrazzjat ukoll lill-għalliema kollha u lill-profesjonisti l-oħra li llum hemm fl-iskejjel, li bil-ħidma tagħhom ilkoll fis-servizz tal-istudent, qed jagħmlu differenza pożittiva f’ħajjithom.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en