DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, FL-OKKAŻJONI TAD-DISGĦIN ANNIVERSARJU MILL-EWWEL SEDUTA TAL-ASSEMBLEA LEĠISLATTIVA U TAS-SENAT MALTI WARA L-GĦOTJA TAL-KOSTITUZZJONI AMERY-MILNER, FIL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI, IL-BELT VALLETTA – L-ERBGĦA
Huwa tajjeb li din il-Kamra tad-Deputati qed tiltaqa’ biex tfakkar pass ieħor fl-istorja sabiħa tal-poplu Malti u Għawdxi fil-ġlieda għad-drittijiet fundamentali tiegħu għad-demokrazija, għal-libertà, għall-identità, għax-xogħol u għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, b’rajh f’idejh.
Apprezzament storiku
Il-Kostituzzjoni Amery-Milner għal ħafna Maltin u wħud mill-mexxejja politiċi ta’ dak iż-żmien kienet ᾿il bogħod milli tilħaq l-aspirazzjonijiet li nibbtu Mikiel Anton Vassalli u l-ħassieba u l-patrijotti l-oħra li ġew warajh ta’ nazzjon sovran, Malti, bl-identità u l-ilsien tiegħu.
It-tifkira tal-lum għandha sinifikat mhux tant għall-paġna li qed infakkru, anke jekk din fiha nnifisha għandha l-importanza storika tagħha, daqskemm għall-kuntest storiku, il-proċess li kien inħema u li qanqal kurrent li bis-saħħa tiegħu wasalna fejn qegħdin illum.
Sette Giugno
Qed nitkellmu fuq il-Kostituzzjoni Amery-Milner, jiġifieri fuq l-1921. Imma dan l-isem u dan l-annu setgħu qatt ma fissru xejn kieku ma ġewx imsawra mill-għaraq, is-sagrifiċċju, il-kuraġġ u d-demm tal-Maltin u l-Għawdxin, fil-biċċa l-kbira ħaddiema imma wkoll l-istudenti universitarji, li ħadu sehem fil-ġrajjiet storiċi tas-Sette Giugno sentejn qabel fl-1919, u li fihom it-Tabib Filippo Sciberras (aktar tard Sir) kien mexxej prominenti li ppresieda l-laqgħat tal-Assemblea Nazzjonali li kristallizzat, abbozzat u innegozjat din il-Kostituzzjoni.
‘Gvern Responsabbli’
Diġà fl-1921 kien hemm mexxejja li ħassew li m’għandhomx jikkuntentaw b’xejn anqas minn indipendenza politika sħiħa. Il-Kostituzzjoni tal-1921 kienet ᾿il bogħod ferm minn dan kollu. Wasslet biss għall-elezzjoni, minn elettorat li kien jeskludi l-vot tan-nisa, ta’ Assemblea Leġislattiva u ta’ Senat, li kienu jitkellmu bl-Ingliż u bit-Taljan, bil-Malti forsi tollerat, u għall-għażla ta’ ‘Gvern responsabbli’ għall-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, imma fil-kuntest ta’ responsabbiltà superjuri għall-interessi tal-Imperu Ingliż ta’ dak iż-żmien.
Infakkar biss silta mid-diskors tal-Prinċep Edward ta’ Wales li ġie biex fl-1 ta’ Novembru 1921, f’isem missieru r-Re George V, jinawgura l-ftuħ tal-ewwel sessjoni konġunta tas-Senat u tal-Assemblea Leġislattiva, laqgħa li qed infakkru llum:
“Now that in the fullness of time His Majesty grants responsible Government to Malta and her dependencies, he is confident that the old loyal spirit still prevails, and that her people will so administer their affairs as not only to advance the welfare of their own community, but to further the interests of the British Empire as a whole....”
Dan qed ngħidu mhux biex innaqqas mill-importanza ta’ din l-ewwel seduta, imma biex infakkar l-ispirtu, il-perspettiva storika ta’ fejn kien il-poplu fil-mixja tiegħu lejn il-kisba tal-milja tal-viżjoni tiegħu. U f’dan il-punt wieħed ma jistax ma jammirax u ma japprezzax il-figuri politiċi prinċipali ta’ dak iż-żmien, taqbel u ma taqbilx mal-ideat u l-politika li kienu jħaddnu – Ugo Mifsud, Nerik Mizzi, Gerald Strickland, Mons Ignazio Panzavecchia, William Savona, u diversi oħrajn.
L-ewwel żerriegħa
Tħares kif tħares lejn din il-ġrajja, m’hemmx dubju li tfisser l-ewwel żerriegħa li xxettlet, qabdet l-għeruq, iffaċċjat kull tip ta’ maltemp, imma li baqgħet dejjem ħajja sakemm tat il-frott mixtieq ta’ pajjiż indipendenti u liberu, bl-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu, b’Parlament ta’ rappreżentanti tal-poplu eletti minn kulħadd, nisa u rġiel, huma x’inhuma l-mezzi tagħhom.
Il-biċċa l-kbira minna ma għexna xejn minn dawk iż-żminijiet. Mhux faċli għalina napprezzaw x’iġifieri Malta kolonja, fil-bidu tas-seklu l-ieħor meta l-Imperu Ingliż kien fl-aqwa tiegħu. X’iġifieri timmilita fil-politika u tħabbrek għall-interessi soċjali u ekonomiċi tal-poplu wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. X’iġifieri tidħol għall-piż tat-tmexxija politika tal-ġlieda nazzjonali għad-drittijiet tal-Maltin li laħqet l-ewwel quċċata tagħha fis-Sette Giugno, imbagħad fl-ewwel seduta tal-Assemblea Leġislattiva u tas-Senat Malti. Mhux faċli napprezzaw it-tlugħ u l-inżul ta’ Kostituzzjoni ġejja u oħra sejra, u dak kollu li ġabet magħha it-Tieni Gwerra Dinjija. Kellha tkun il-Kostituzzjoni tal-1947 li tatna Parlament elett tassew demokratikament mill-poplu kollu, anke jekk Malta kienet għadha kolonja. U kienet il-Kostituzzjoni tal-1964 u t-tibdil tal-1974 li tawna l-Parlament f’Malta Repubblika tal-lum, Membru tal-Unjoni Ewropea.
Ħajr u ġieħ
U f’din il-mixja, twila fiha innifisha, imma li tokkupa biss parti ċkejkna mill-istorja millennarja ta’ din il-gżira b’sehem hekk importanti għar-reġjun Ewro-Mediterran, hemm katina ta’ mexxejja ta’ partiti politiċi u oħrajn fil-fili ta’ warajhom, ilkoll sostnuti mill-poplu Malti u Għawdxi, fl-ilwien kollha politiċi li kkaratterizzaw il-qawsalla politika Maltija tul iż-żminijiet.
Lil dawk kollha li ġew qabilna aħna nroddu ħajr u ġieħ, u nibqgħu nagħtuhom gieħ fil-panteon tal-fundaturi ta’ Malta moderna u kontemporanja.
Tagħlimiet
Bħal ma dejjem sostnejt f’kull okkażjoni li fiha niċċelebraw anniversarju, illum ukoll insostni li l-imgħoddi niċċelebrawh biex infasslu l-ġejjieni tagħna. Għalhekk illum aktar minn qatt qabel għandna nistaqsu : X’tagħlimiet, xi proponimenti, naħsbu li nistgħu nisiltu minn din ir-riflessjoni tal-lum? X’nemmen li għandu jfisser dan kollu għall-poplu Malti fiċ-ċirkustanzi tal-lum?
Kull seklu għandu l-istorja tiegħu. Kull seklu għandu s-sabiħ u l-ikraħ tiegħu, il-ferħ u n-niket, id-diffikultajiet, l-isfidi u l-opportunitajiet tiegħu. Imma huwa biss minn kif niffaċċjaw dan it-tlugħ u nżul li niddeterminaw x’kisbiet, x’riżultati, xi frott naħsdu. Fil-qasir nagħmel riflessjoni fuq tliet mistoqsijiet:
1) X’effett qed ikollu l-Parlament tagħna fil-qafas demokratiku llum?
2) Xi żviluppi għandna bżonn biex inservu l-poplu tagħna aħjar?
3) X’valuri għandna nsaħħu?
1. Ir-rilevanza tal-Parlament illum
L-ewwel mistoqsija. M’hemmx dubju li l-Parlament, f’kull forma li kellu sa minn dik l-ewwel seduta disgħin sena ilu, u li llum qed infakkru, serva lill-poplu tagħna biex jikseb rajh f’idejh u biex iwettaq u jseddaq id-demokrazija. U minn fuq din il-pjattaforma ta’ leġittimità demokratika gvern wara ieħor għadda dawk il-liġijiet u programmi li tawna l-qafas politiku, ekonomiku u soċjali li għandna llum, imsaħħaħ minn identità u kultura kreattiva u skambji mal-popli kollha tar-reġjun Ewro-Mediterran. Qatt ma kienet mixja lixxa u faċli. Kien hemm iż-żmien diffiċli immens li ridna noħolmu, u nwettqu l-ħolm tagħna, meta rajna ma kienx f’idejna, u meta Malta kienet ċentru importanti u strateġiku f’nofs il-Mediterran għall-interessi tal-Imperu Ingliż. Il-kontroversji politiċi u soċjali qatt ma naqqsu u, għalkemm ġeneralment kienu essenzjali għall-aħjar espressjoni tad-demokrazija, ġieli għoddhom wasluna sax-xifer. Imma, kien dejjem dan il-Parlament li reġġagħna lura mix-xifer u li fih instabu s-soluzzjonijiet, fejn fl-aħħar mill-aħħar kulħadd fittex l-aħjar interess tal-poplu kif fehmu f’dak il-mument.
Il-Partiti Politiċi
U dan iġibni għall-punt ta’ kemm kienu u huma protagonisti l-Partiti Politiċi f’dan il-kuntest storiku. Diġà f’dan il-mument bikri fl-iżvilupp tad-demokrazija parlamentari tagħna l-ideat, il-mexxejja u n-nies skjeraw ruħhom f’partiti politiċi. Anedottu ħelu hu kif meta ltaqgħet l-ewwel darba l-Assemblea Leġislattiva fid- 29 ta’ Ottubru 1921, filwaqt li mill-ewwel qablu unanimament fuq Speaker li kien Membru tan-naħa tal-Gvern, ma rnexxielhomx isibu Membru li jaċċetta jservi bħala Deputy Speaker, la min-naħa tal-Gvern u lanqas min-naħa tal-Oppożizzjoni! Il-fatti juru li fuq Speaker kienu ftehmu qabel dik is-seduta bl-abbokkament meħtieġa, imma fuq Deputy Speaker jidher li ma semmew xejn, u kellhom iħallu din il-materja għal wara l-ftuħ uffiċjali tal-Assemblea Leġislattiva u s-Senat Malti mill-Prinċep Edward fl-1 ta’ Novembru 1921. M’hemmx dubju li d-demokrazija tagħna kellha għeruq popolari mill-bidu nett u l-Mexxejja ta’ dak iż-żmien diġà kellhom il-forzi popolari aggregati f’movimenti/partiti politiċi appoġġjati mill-ġurnali tagħhom jew simpatizzanti magħhom.
Mhux partiti biss
Iżda l-iżvilupp tad-demokrazija ma seħħx biss mill-Partiti politiċi. Fil-ġrajjiet tas-Sette Giugno rajna popolazzjoni sħiħa timmanifesta fil-Belt Valletta. Fuq quddiem nett insibu eluf ta’ ħaddiema tat-tarzna u studenti tal-Università. Is-soċjetà ċivili, kif dak iż-żmien kienet rappreżentata fil-Każini tal-Baned mifruxa ma’ kull belt u raħal f’Malta u Għawdex, kienet ukoll mill-aktar attiva, speċjalment bis-sehem tagħha fil-laqgħat storiċi tal-Assemblea Nazzjonali li saru fil-Giovine Malta biex jitolbu d-drittijiet tal-Maltin mingħand il-Kuruna Ingliża.
Kollox jirritorna fil-Parlament
Dan kollu baqa’ jiżviluppa sakemm illum insibu li lħaqna il-milja ta’ demokrazija bis-sehem sħiħ ta’ partiti politiċi mill-aktar żviluppati, b’unions u korpi kostitwiti li huma pilastri fil-qafas tad-djalogu soċjali, b’soċjetà ċivili mill-aktar attiva u voċifera f’kull qasam, u b’xibka ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-aktar moderna. U l-kumulu ta’ dan id-dibattitu kollu ta’ kuljum fl-aħħar mill-aħħar insibuh jirritorna fl-ogħla istituzzjoni demokratika, il-Parlament, fejn jirrisolvi ruħu fil-leġislazzjoni u fil-politika tal-mument partikulari. Fuq kollox irnexxielna wkoll li nnaqqsu mill-prattika politika kull ħsieb u tentazzjoni, li l-vjolenza politika qatt tista’ tkun xi strument politiku validu.
Nemmen li iva l-Parlament tagħna, bit-tlugħ u l-inżul tal-istorja tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar qeda lill-poplu tagħna b’mod tajjeb ħafna, u kien strumentali biex ksibna l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku li wasalna għalih sal-lum. F’dan is-sens, nistgħu nwieġbu l-ewwel mistoqsija b’mod pożittiv ħafna. Imma ma nistgħux nikkuntentaw billi nwaqqfu l-ħarsa tagħna fuq il-qafas demokratiku mill-lenti limitata tal-ambjent nazzjonali tagħna u ma nwessgħux din il-lenti biex inpoġġu dan kollu fil-kuntest ta’ x’qed jiġri madwarna u tas-sinjali taż-żminijiet għas-snin li ġejjin.
2. Żviluppi meħtieġa
U dan iġibni għat-tieni mistoqsija: Xi żviluppi għandna bżonn biex inservu l-poplu tagħna aħjar fix-xenarju li qed jevolvi llum? U hawn id-diskors isir mhux biss kumplikat imma wkoll kumpless. Kumplikat, bħal dejjem, għax jinħtieġ li jinstab il-ftehim bejn partijiet differenti, politiċi u mhumiex, li jkollhom, b’mod naturali u b’mod leġittimu, ideat, aġendi, strateġiji, ħafna drabi differenti jekk ukoll mhux kompletament opposti. Kumpless minħabba n-natura tat-tibdil mgħaġġel u kontinwu u r-riskji li għaddejjin madwarna f’kull qasam.
Bdejna seklu u millenju ġdid mimlijin tama, speċjalment frott it-tneħħija tal-firda minn nofs l-Ewropa, bejn il-Lvant u l-Punent, karatterizzata mill-ħajt ta’ Berlin, u frott ukoll ir-rivoluzzjoni tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika. Jekk wieħed jevalwa l-ewwel għaxar snin ta’ dan is-seklu jsib minn kollox, aħbarijiet tajba u ħżiena.
F’dawn is-snin id-dinja kellha tħabbat wiċċha mhux biss ma’ forma mill-eqqel ta’ terroriżmu u gwerer, imma wkoll ma’ kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi li għadhom iħabbtuna sal-lum. Il-faqar, il-ġuħ u l-mard fid-dinja ma naqqsux, u ġew aggravati minn diżastri naturali. Kuljum nassistu għall-migrazzjoni ta’ popli sħaħ f’partijiet diversi tad-dinja, jiġġerrew ifittxu x-xogħol, is-sigurtà u l-paċi. Propju fil-bidu ta’ din is-sena rajna l-qawmien popolari fil-pajjiżi ġirien tagħna fil-Mediterran – it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja, fost l-oħrajn, bil-ġrajjiet straordinarji li qed iwasslu għal żviluppi politiċi bit-tama ta’ libertà, ġustizzja u demokrazija. Malta ma setgħetx ma tintlaqatx minn dan kollu.
L-impatt fuq il-politika
U dan kollu qed ikollu effett fuq in-natura tal-għodda politika li żviluppajna sal-lum. Ir-rivoluzzjoni teknoloġika għamlet mill-mezzi tal-komunikazzjoni u l-propjetarji tagħhom forza politika oħra b’impatt li ftit ħolmu sa ftit snin ilu fis-seklu l-ieħor, u kultant bis-saħħa li jiddettaw huma l-aġenda. B’hekk kull wieħed u waħda mill-popli tagħna jgħix f’ħin reali l-ġrajjiet kollha, b’aċċess dirett fir-rimja ta’ kull informazzjoni u diskussjoni, u bil-possibbiltà li kulħadd jgħid tiegħu fuq kollox u fi x’ħin irid. Min-naħa l-oħra l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-mewġ migratorju ta’ popli, id-degrad tal-ambjent, l-iżvilupp demografiku, u l-globalizzazzjoni – bil-fenomenu li kollox sar inter-konness u kulħadd sar inter-dipendenti – ilkoll qed joħolqu tensjonijiet soċjali kullimkien.
Dan kollu għandu impatt enormi fuq l-iżvilupp politiku – fuq in-natura nnifisha tal-politika, il-politiċi, il-partiti politiċi, il-mezzi tal-komunikazzjoni, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-Kunsilli Lokali u l-Parlament.
Il-Kumitat Magħżul
Hu f’dan il-kuntest li din il-Kamra, aktar minn tliet snin ilu, fis-16 ta’ Lulju 2008, fuq proposta tiegħi, appoġġjata mill-Oppożizzjoni, b’vot unanimu, kienet ħatret Kumitat Magħżul biex jistħarreġ, jirrapporta u jirrakkomanda dwar it-tisħiħ tad-demokrazija b’dak kollu li din timplika. Il-Gvern kien daħal għal dan ix-xogħol bla ebda kundizzjoni, b’moħħ kompletament miftuħ, b’dispożizzjoni li jingaġġa fi djalogu ġenwin. Ridna li nagħtu lill-poplu tagħna qafas u għodda aħjar li jgħinuh jipparteċipa b’mod aktar infurmat, iħossu rappreżentat aħjar u b’mod aktar effettiv u leġittimu. Ridna naslu biex intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet u nirrenduhom ġenwinament aktar rilevanti fit-titjib tal-ħajja tal-poplu tagħna. Ridna li bl-aġġornament miftiehem il-poplu jħossu li għandu sehem, stake, ħaj u konkret, fl-istituzzjonijiet u fil-pajjiż.
Irrid ngħid li anke l-Oppożizzjoni daħlet għal dan ix-xogħol b’dan l-ispirtu, sakemm madwar sena u nofs ilu rtirat mill-Kumitat Magħżul f’ċirkustanzi li l-Oppożizzjoni dehrilha li kellha tagħtihom il-portata li tagħthom. Jien ma qbiltx. Imma mhux dak il-punt.
Nemmen li l-Kumitat Magħżul, maħtur minna lkoll, kien u għadu l-aħjar forum biex induru dawra ma’ u nsaħħu s-swar tad-demokrazija. Fis-sitwazzjoni ma nistgħux nilagħbu bit-tattika li nħarsu biss sal-ponta ta’ mneħirna, b’naħa jew oħra, taħseb li jaqblilha tipposponi d-diskussjoni u l-qbil għal żminijiet oħra. L-aqwa frott, dak veru, dak bnin, jista’ joħroġ biss minn ftehim ġenwin. U l-irwiefen li qed jgħaqqdu madwarna jirrendu dan il-ftehim urġenti u fl-aqwa interess tal-poplu tagħna. Jeħtieġ insaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi biex nassiguraw li qed nirrispondu għall-bżonnijiet tan-nies, li qed nittrattaw il-prioritajiet veri, li qed naħdmu għall-interess u l-ġid komuni, li qed nagħmlu kollox biex ikollna tkabbir ekonomiku u sostenibbli, u li qed nassiguraw tqassim aktar ġust tal-piżijiet u tal-ġid ta’ din is-soċjetà tagħna.
3. Il-Valuri
Niġi għall-aħħar mistoqsija, anke jekk hi l-mistoqsija tal-qofol : X’valuri għandna nsaħħu? In parti nirrijakwistaw, nirripristinaw, nirkaċċaw il-valuri li ispiraw l-antennati tagħna fil-ġlidiet tagħhom, li għaddewhom mill-ġrajjiet tas-Sette Giugno, wassluhom għall-ewwel seduta tal-Assemblea Leġislattiva u s-Senat Malti, u akkumpanjawhom sakemm għaddewlna dan il-wirt hekk għani ta’ Parlament li llum qed jaħdem fid-demokrazija u fis-saltna tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Imma in parti rridu niksbu l-ħila, id-dehen u l-umiltà li flimkien naqraw u nifhmu s-sinjali taż-żminijietna bl-iskop li nisiltu mill-valuri fundamentali li jiddistingwu lill-poplu tagħna valuri oħra li jirrispondu għall-isfidi, ir-riskji u l-opportunitajiet tal-lum.
Maħfra
M’hinix ser inkun jien li nipponta subgħajja jew nitfa’ l-ewwel ġebla. Jien nistqarr id-difetti u l-iżbalji tiegħi u tal-Partit li qed immexxi u li f’ismu qiegħed f’din il-Kamra bil-vot tal-eletturi. L-ideali, it-twemmin u l-viżjoni ta’ dan il-partit huma mill-isbaħ, kif hi mill-isbaħ il-paġna tiegħu fl-istorja ta’ pajjiżna, li ssawret bil-kontribut ta’ partiti u movimenti oħra politiċi li lkoll għandhom il-paġna glorjuża tagħhom fl-istorja tal-poplu tagħna. Iżda bħal kull istituzzjoni oħra, il-partit, il-gvernijiet, huma mmexxija mill-bnedmin, li mhux dejjem ikunu korretti, li huma suġġetti għall-iżbalji u n-nuqqasijiet tagħhom. U rrid nieħu l-opportunità biex nerfa’ fuq spallejja d-dmir li nikkonferma t-talba lill-poplu għall-maħfra għal kull darba li xi ħadd minna naqas fil-qadi ta’ dmirijietu. U nitlob skuża lil kull Malti u Maltija li b’xi mod stajna nqassnihom.
Il-politika vokazzjoni
Imma dan ma jżommniex milli nagħmlu ħilitna kollha biex ngħixu dmirijietna ta’ bnedmin u ta’ politiċi skont valuri li għandhom ikunu l-boxxla tal-ħidma kollha tagħna. M’hiniex ser nagħmel xi elenku ta’ dawn il-valuri li l-Membri ta’ din il-Kamra kollha jafu liema huma. Imma ma nistax ma nissottolineax il-valur tal-politika bħala vokazzjoni ta’ servizz ġenwin, mogħti b’onestà, integrità, b’imħabba patrijottika.
L-onestà u l-integrità jesiġu minna lkoll, u minn kull ċittadin, riċerka u għarfien oġġettiv ta’ x’inhuma l-kawżi, il-fattizzi, l-ingredjenti veri ta’ kull sitwazzjoni. U liema huma l-għażliet ta’ sustanza, vijabbli, li joffru mhux il-miraġġ tas-soluzzjoni, imma strateġija maħsuba, fondata fir-realtà, li tattakka fl-għeruq il-problemi u li ssib tarfhom fuq il-firxa taż-żmien meħtieġ fid-dawl tal-verità u l-ġustizzja soċjali.
Il-Popoliżmu
L-għadu ta’ dan kollu, li qed jerġa’ jerfa’ rasu fost il-popli, hu l-popoliżmu li, b’mod irresponsabbli, joffri lill-poplu nofs veritajiet, argumenti simpliċisti li jappellaw għas-sentimenti negattivi innati f’kull wieħed minna. L-istorja tal-popli tixhed l-agħar traġedji u atroċitajiet umani fil-pajjiżi fejn il-popli ħallew il-popoliżmu jieħu s-soppravvent għax iċ-ċittadini issospendew il-fakultajiet tar-raġuni u s-sens komuni, u għax il-mexxejja abbużaw il-popli tagħhom bi sfruttament popolist tar-realtà.
Nerġa’ ngħid – nemmen li qed ngħixu żminijiet kumplikati u kumplessi. L-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna hi jekk xi ħadd minna naqgħu għat-tentazzjoni li nistgħu nirbħu l-fiduċja tal-poplu b’appelli u strateġiji imnebbħa minn popoliżmu, li wara l-osanna tal-ewforija tar-rebħa malajr ikollu jissallab fuq il-kefrija tar-realtà.
Għodda politika mġedda
Jien irrid mhux tant bini ġdid għall Parlament. Dan irridu wkoll, naturalment, u qed nagħmlu ħilitna biex ikollna binja sabiħa, innovattiva fid-disinn u l-arkitettura tagħha, denja mhux biss ta’ pajjiżna, tal-belt Valletta, imma li tirrispekkja wkoll iż-żminijiet il-ġodda li qed nitkellmu fuqhom.
Imma aktar minn bini ġdid, nemmen li rridu niġġeddu aħna, fl-intern u fl-estern tagħna. Irridu niżviluppaw l-għodda li naħdmu biha f’dan il-Parlament, fil-partiti politiċi li janimaw il-kuxjenza tal-poplu tagħna, fl-għaqdiet, fil-unions, fil-korpi kostitwiti. Irridu għodda li żżommna gwidati mill-boxxla tal-ġid komuni. Irridu għodda fejn aktar nisa u żgħażagħ ikunu protagonisti; għodda li n-nies tafda li qed tfittex biss l-interess tal-bżonnijiet ġenwini tagħha; għodda li tirrendi l-aġir u l-motivazzjoni tagħna lkoll fi trasparenza u taħt l-iskrutinju ta’ kontabbiltà sħiħa; għodda li ssaħħaħ il-leġittimità tal-ħidma tagħna.
Irridu għodda li tfittex aktar dak li jgħaqqad milli dak li jifred, u li tfittex il-konsensus trasparenti fuq l-għażliet li jiddeterminaw il-preżent u wisq aktar il-ġejjieni tal-poplu Malti u Għawdxi. Matul dawn id-disgħin sena li għaddew il-poplu tagħna kiseb bosta minn dak li mexxejja u partiti politiċi poġġew fuq l-aġenda tagħhom minn żmien għal żmien.
Illum qed niffaċċjaw il-futur wara li rbaħna ġlidiet fundamentali, sfidi li ħafna kien jaħsbu li huwa biss ħolm. Irbaħna l-ġlieda diffiċli kontra l-kolonjaliżmu u libbisna s-sovranità indipendenti lin-nazzjon tagħna; imxejna u ddikjarajna lil pajjiżna Repubblika u sirna membri tal-Unjoni Ewropea. Mhux biss... għamilna dan kollu waqt li iggarantejna l-libertà u s-saltna tad-dritt għal kulħadd fl-istess ħin li saħħaħna d-demokrazija u l-istituzzjonijiet li minnhom tiddependi.
Dan kollu ma sarx bla kontroversji u kwistjonijiet mhux żgħar. Imma llum ninsabu fis-sitwazzjoni fejn nistgħu niddiskutu. U dan grazzi l-aktar għall-partiti illum rappreżentati f’dan il-Parlament, kif ukoll għal movimenti politiċi oħra, għall-unions tal-ħaddiema, għall-korpi kostitwiti, għas-soċjetà ċivili, għall-media ta’ kull tip u ta’ kull fehma. Ta’ qabilna kellhom kull raġun jiskjeraw ruħhom f’kontroversji li kultant ħallew feriti li s-sinjali tagħhom għadna nħossuhom sal-lum. Dawk kienu għadhom qed jibnu l-kostruzzjoni demokratika tan-nazzjon tagħna, meta konna għadna fil-pożizzjoni li nistgħu nibnu skont disinn u mhux skont ieħor. Imma llum dan ix-xogħol tlesta, bl-approvazzjoni ħielsa tal-poplu tagħna, u minn toroq differenti lkoll wasalna biex issa qed inħarsu għal dak li jirrigwarda postna f’dan ir-reġjun u fid-dinja. Nafu wkoll li fadal ħafna x’isir biex sal-anqas Malti u Maltija jgawdi l-ogħla kwalità ta’ ħajja.
Flimkien bħala poplu wieħed irridu nkomplu nikkonsolidaw u nisfruttaw il-pożizzjoni tagħna biex nassiguraw aħjar li nilqgħu għall-maltemp u l-inkwiet tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi li hawn madwarna. Biżżejjed inħarsu fil-viċin tagħna biex napprezzaw kemm is-sistema ta’ governanza politika li għandna qed tkun effettiva biex tidderieġi l-pajjiżna fil-baħar imqalleb taċ-ċirkustanzi li qed niffaċċjaw. B’sistema ta’ governanza m’hinix qed nifhem biss dak li jagħmel il-Gvern, imma dak li tagħmel l-Oppożizzjoni, il-Unions, il-Korpi Kostitwiti; fil-fatt kull ma jagħmel kull wieħed u waħda minna fuq ix-xogħol, fuq il-bank tal-iskola, fil-familja.
Għalhekk, nagħlaq billi nenfasizza d-dmir tagħna lkoll li nsibu l-ftehim li jsaħħaħ, li jżid il-valur, lis-sistema ta’ governanza fl-aspetti differenti tagħha. Il-Parlament mhux l-uniku forum, iżda żgur huwa l-aktar forum kostituzzjonalment u leġittimament adatt biex fi ħdanu jinġabru u jintgħarblu l-ideat kollha, u jitfasslu u jiġu adottati l-proposti li dwarhom naslu għall-ftehim.
Disgħin sena ilu kollox kien jindika li l-poplu Malti kellu ħtieġa urġenti għal sovranità nazzjonali li seta’ jużaha biex jikseb in-niċċa tiegħu f’dinja ta’ Stati differenti li magħhom seta’ jinseġ xibka ta’ kuntatti bilaterali u li jiżviluppa l-ekonomija b’għodda ekonomika, fiskali, monetarja li fuqha l-gvern tal-ġurnata kellu kontroll tista’ tgħid assolut.
Illum irridu niżviluppaw is-sistema ta’ governanza tagħna billi nsibu l-aħjar mod kif f’dinja ta’ Stati interdipendenti u interkonnessi naqsmu din l-istess sovranità mhux aktar bl-għodda ta’ Stat nazzjonali li kienet għadha valida sas-seklu l-ieħor, imma bl-għodda tal-intelliġenza u l-kreattività ta’ kull wieħed u waħda miċ-ċittadini tagħna. Dan hu l-proġett u l-frott li aħna mistennija ngħaddu lill-poplu tagħna llum.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en