AKTAR XOGĦOL GĦAL LUFTHANSA TECHNIK MALTA: IFFIRMAT FTEHIM GĦALL-MANUTENZJONI TAL-AJRUPLANI TA’ BRUSSELS AIRLINES
L-età medja tal-ħaddiema tal-Lufthansa Technik Malta hija ta’ 28 sena.
Il-kumpanija Lufthansa Technik Malta ffirmat ftehim mal-linja tal-ajru ewlenija Belġjana Brussels Airlines għall-manutenzjoni tal-flotta tagħha ta’ Airbus A330. Barra minn hekk, se tkun qed twettaq ukoll rinnovament sħiħ tal-kabini ta’ dawn l-ajruplani minn Frar 2012. Dettalji dwar dan ingħataw mill-Viċi-President ta’ Brussels Airlines Geert Sciot u l-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta Stephan Drews waqt żjara tal-Ministru responsabbli mill-Ekonomija Tonio Fenech fil-ħangar tal-Lufthansa.
Il-Ministru Fenech feraħ lill-kumpanija għal dan is-suċċess ieħor li jerġa’ jagħti rikonoxximent għall-kwalità u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema Maltin – ħafna minnhom żgħażagħ - li f’din il-kumpanija jlaħħqu aktar minn 600. Filfatt, l-età medja tal-ħaddiema mal-Lufthansa Technik Malta hija ta’ 28 sena.
“Din il-kumpanija, hija storja ta’ investiment b’suċċess f’pajjiżna li tagħti kontribut biex l-ekonomija Maltija kompliet tikber anke waqt id-diffikultajiet internazzjonali u biex Malta għandha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad (6.6%) fl-Unjoni Ewropea (li għandha medja ta’ qrib 10%).”
Waqt li kompla jitkellem dwar ix-xogħol bħala priorità tal-ħidma tal-Gvern, Tonio Fenech semma’ li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kellha 10,756 reklam ta’ vacancy tax-xogħol. Għall-kuntrarju, in-numru ta’ redundancies notifikati lilha kienu ta’ 1,254. Sal-istess żmien is-sena li għaddiet, il-postijiet vakanti kienu 7,323.
Lufthansa Technik, li bl-għajnuna tal-Gvern investiet mas-€60m fil-ħangar tagħha u €18m f’tagħmir, makkinarju u għodda, tlaħħaq sa 700,000 sigħat tax-xogħol produttivi fil-ħangars tagħha. Barra r-responsabbiltà għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani tal-Lufthansa nfisha, Lufthansa Technik Malta għandha wkoll ftehim ma’ numru ta’ klijenti oħra fosthom Etihad, Aegean Airlines, BMI, Germanwings, Clickair, Air One, STC Russiya, SAS u Afriqiyah.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en