TFAL JIKKONTRIBWIXXU KOTBA U KUTRI TAS-SUF LIR-RESIDENZA SAN VINCENZ DE PAULE
Aktar minn 500 tifel u tifla minn ċentri ta’ SkolaSajf matul dan is-sajf żaru r-residenza San Vinċenz De Paule fejn għaddew xi ħin mar-residenti ta’ din id-dar.
Din kienet inizjattiva meħuda flimkien minn SkolaSajf, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, u l-Kunsill tal-Volontarjat.
Matul dawn iż-żjarat it-tfal ħadu magħhom kotba li tawhom bħala donazzjoni lir-Residenza biex issa nħolqot librerija mobbli li ddur fis-swali tar-residenza u l-anzjani jkunu jistgħu jagħżlu kotba biex jaqraw. Barra minn dan, ħafna tfal ħadu magħhom kobob tas-suf li minnhom, voluntiera u impjegati tar-residenza ħadmu kutri żgħar biex fix-xhur tax-xitwa jservu biex jgħattu riġlejn l-anzjani meta dawn ma jkunux fis-sodda.
Dalgħodu l-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Stephen Spiteri, żar ir-residenza San Vincenz de Paule flimkien mat-tfal li ħadu sehem f’din l-inizjattiva u wara li qassam premjijiet lit-tfal li pparteċipaw, flimkien magħhom żar numru ta’ swali tal-anzjani.
F’kelmtejn qosra, Stephen Spiteri feraħ lit-tfal għall-inizjattivi tagħhom u ħeġġiġhom biex jibqgħu dejjem juru rispett lejn l-anzjani li fiż-żmien attiv tagħhom ikkontribwew ħafna għall-iżvilupp tal-pajjiż. F’isem il-Ministru Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari Mario Galea li ma setgħux jattendu għal din l-okkażżjoni hu feraħ lit-tfal għall-impenn tagħhom f’ħidma volontarja minn età żgħira u ħeġġiġhom biex ikomplu jkunu attivi fil-volontarjat li din is-sena hi dedikata għalih.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en