IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JIFFINANZJA PROĠETTI FIT-TEATRI ASTRA U AURORA
Iż-żewġ teatri ewlenin tal-belt Victoria qed jibbenefikaw minn kważi €100,000 bejniethom minn fondi tal-Ministeru għal Għawdex, taħt l-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi. ‘It-titjib li ser isir fiż-żewġ teatri permezz taż-żewġ proġetti rispettivi ser jirriżulta f’tisħiħ konsiderevoli f’dawn iż-żewġ siti u b’hekk tiġi mtejba wkoll l-kwalità tal-attivitajiet kulturali li jiġu organizzati fihom ta’ kull sena’. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta dalgħodu żaret ix-xogħolijiet li għaddejjin b’ritmu mgħaġġel kemm fit-teatru Astra kif ukoll fit-teatru Aurora.
Il-proġett tas-Soċjetà Filarmonika La Stella jinkludi ristrutturar tal-faċilitajiet ewlenin ġewwa t-Teatru Astra fejn fost attivitajiet oħra ta’ kull sena jittella’ l-Festival Mediterranea. Bħalissa qed isir xogħol ta’ ristrutturar u rinovazzjoni fuq il-palk u l-madwar fejn fi ftit ġimgħat oħra ser tiġi mtellgħa l-Opra Norma bħala parti mill-festival. Permezz tal-proġett taħt l-iskema eko-Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jgħin ukoll lil din is-Soċjetà fil-promozzjoni ta’ dan il-festival anke barra minn Malta. Minbarra li għandu valur kulturali għall-gżira Għawdxija, dan il-festival huwa ta’ attrazzjoni għal bosta Maltin u barranin li kull sena jattendu għal dan l-avveniment u għalhekk jirriżulta bħala valur miżjud fil-qasam ekonomiku u dak soċjali tal-gżira ta’ Għawdex.
L-għajnuna li ser tingħata lis-Soċjetà Filarmonika Leone ser tintuża fi proġett estensiv li permezz tiegħu qed jiġi mibdul s-saqaf tat-teatru Aurora. Dan is-saqaf li kien magħmul mill-asbestos qed jiġi maqlugħ u minfloku jitpoġġa saqaf ġdid magħmul minn materjal reżistenti li permezz tiegħu s-soċjetà ser tkun tista’ twettaq proġett ieħor li jżid is-sostenibiltà tal-operat tagħha. Dan permezz ta’ sistema ta’ pannelli fotovoltaiċi li hu maħsub li tiġi nstallata fuq is-saqaf il-ġdid biex din tkun tista’ ittaffi parti mill-ispejjeż tal-konsum tal-elettriku li jirrekjedi it-teatru kif ukoll il-każin. Sa issa ġie mibdul nofs is-saqaf u għaddej il-proċess biex jinqala’ l-bqija tas-saqaf il-qadim. Ix-xogħol mistenni jkun lest sa ftit ġimgħat oħra meta fit-teatru ser tittellgħa l-opra Tosca.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif l-objettivi marbuta mal-inizjattivi ta’ dawn il-proġetti huma konformi mal-miżura proposta fil-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex dwar il-kultura u l-identità tal-gżira. Żiedet tgħid, li fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli dawn il-proġetti għandhom sehem sinifikanti fl-iżvilupp tal-potenzjal kbir tan-nies li jgħixu fuq il-gżira u t-turiżmu ta’ kwalità li jiġbdu lejn Għawdex. Il-Ministru faħħret l-inizjattivi meħuda minn dawn iż-żewġ soċjetajiet li jaħdmu b’mod volontarju matul is-sena kollha. “Bis-saħħa ta’ din l-iskema, il-Ministeru għal Għawdex qed jgħin lil dawn is-soċjetajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra bil-għan li permezz tal-varjetà kulturali li joffru jiġi msaħħaħ il-qasam kulturali fil-gżira ta’ Għawdex filwaqt li tiġi mtejba wkoll l-esperjenza ta’ min iżur lil Għawdex b’diversi attrazzjonijiet ta’ kwalità”, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Permezz ta’ żewġ skemi ta’ eko-Għawdex, waħda għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u l-oħra għall-Kunsilli Lokali jinsabu għaddejjin 51 proġett, li bejniethom qed jingħataw għajnuna li tlaħħaq €1.9 miljun.
F’Ottubru li ġej, iż-żewġ teatri tal-belt Victoria ser ikunu qed jorganizzaw żewġ opri li bħal kull sena mistennija jattiraw għadd ta’ Maltin u barranin lejn il-gżira ta’ Għawdex. L-opra Tosca se ssir fit-Teatru Aurora fil-15 ta’ Ottubru fis-7.30 p.m. filwaqt li l-opra Norma se ssir fit-Teatru Astra fis-27 u fid-29 ta’ Ottubru fis-7.30 p.m. Bħal kull sena, il-Ministeru għal Għawdex qed jappoġġja lil dawn iż-żewġ soċjetajiet biex itellgħu l-opri rispettivi tagħhom, kemm b’mod finanzjarju kif ukoll mil-lat ta’ promozzjoni u dak loġistiku.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en