IL-KUNSILL LOKALI TAL-QALA JIRRESTAWRA L-FORTIZZA TA’ SANT’ANTNIN
Il-Fortizza ta’ Sant’Antnin, magħrufa aħjar bħala t-Trunċiera tal-Qala, qed tiġi restawrata mill-Kunsill Lokali tal-Qala bl-għajnuna tal-MEPA u ta’ Din l-Art Ħelwa. Din il-fortizza, li tinsab f’Ras il-Qala fil-ponta l-aktar fil-Lvant ta’ Għawdex, inbniet fl-1732 mill-Granmastru Anton Manoel de Vilhena fuq disinn tal-inġinier Franċiż il-Kavallier Francois de Mondion.
Ir-restawr tagħha nbeda madwar sentejn u nofs ilu u sa issa ġie jiswa mal-mitt elf ewro. Wara żjara li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said u s-Sindku Paul Buttiġieġ għamlu fuq is-sit, kien spjegat li fadal ftit interventi oħra ta’ restawr biex ix-xogħlijiet ikunu lesti.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li aktar ma jgħaddi żmien il-Kunsilli Lokali qed jifhmu l-importanza li jidħlu għal proġetti ta’ restawr fuq siti u binjiet storiċi li jkollhom fil-lokalità. Hu qal li fuq livell lokali, il-Kunsill Lokali jkun jifhem aktar minn entitajiet u awtoritajiet oħra l-importanza ta’ ċertu wirt storiku għall-memorja kollettiva tal-komunità li jirrappreżenta. Chris Said qal li permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet u permezz tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali b’laqtiet storiċi, il-Kunsill Lokali tal-Qala qed jirnexxielu jqajjem interess fl-istorja u fuq il-wirt tal-lokalità kif ukoll qed irawwem sens ċiviku fost ir-residenti.
Is-Sindku Paul Buttiġieġ qal li ‘ma kienx faċli li tirrestawra din il-Fortizza għax apparti li kienet kważi kompletament imġarrfa anke l-post fejn tinsab, mhux daqshekk faċli li taħdem kontra l-elementi kollha.’
Il-Fortizza ta’ Sant’Antnin hija meqjusa bħala Patrimonju Nazzjonali b’arkitettura ftit jew wisq unika għal pajjiżna. Il-fortizza għandha sitt faċċati, b’kisja ta' ġebel żonqri, b'livelli differenti, bil-parti l-aktar għolja tħares lejn il-baħar. It-tliet ħitan l-oħra huma mdawrin b'foss fond bejn tlieta u erba' metri u wiesa' żewġ metri u nofs.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en