STUDENTI UNIVERSITARJI ĠODDA JATTENDU GĦAL-LAQGĦA TA’ INFORMAZZJONI F’GĦAWDEX
Għadd mdaqqas ta’ studenti Għawdxin li mis-sena akkademika li jmiss ser ikomplu bl-istudji terzjarji f’Malta, dalgħodu attendew għal-laqgħa ta’ informazzjoni organizzata mill-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex li saret ġewwa s-sala tal-wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Dawn l-istudenti għadhom kif temmew l-istudji tagħhom fiċ-Ċentru għall-Istudji Ogħla Sir M. A. Refalo u minn Ottubru li ġej ser jibdew isegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta.
Filwaqt li ferħitilhom għas-suċċess li kisbu fl-eżamijiet biex b’hekk ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom fl-Università, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, ħeġġithom biex jikkollaboraw mal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) u jressqu ideat, problemi u suġġerimenti li jista’ jkollhom biex b’hekk tiġi mtejba dejjem aktar il-ħajja tal-istudenti Għawdxin f’Malta. Żiedet tgħid li l-involviment tagħhom jgħinhom ikabbru l-orizzonti tagħhom u jwessgħu l-perspettivi soċjo-kulturali flimkien mat-tagħlim akkademiku. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat biex ikompli jaħdem b’risq is-settur edukattiv fuq il-gżira, kif ukoll b’risq l-istudenti Għawdxin li jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta, kemm dawk li jagħżlu korsijiet universitarji kif ukoll oħrajn li jkomplu l-istudji f’istituzzjonijiet bħal MCAST, ITS u istituzzjonijiet oħra. Il-Ministru semmiet kif minbarra l-istipendju li jingħata lil kull student fuq bażi nazzjonali, il-Ministeru għal Għawdex joffri għajnuna addizzjonali lil dawn l-istudenti Għawdxin sabiex ikopru parti mill-ispejjeż marbuta mal-istudji f’Malta.
Matul din il-laqgħa rappreżentanti tal-GUG taw tagħrif dwar l-għanijiet tal-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll dwar uħud mill-aspetti relatati mal-ħajja universitarja li dawn l-istudenti ser jibdew jesperjenzaw fil-ġimgħat li ġejjin. L-istudenti ingħataw ukoll tagħrif dwar l-applikazzjonijiet li qed jintlaqgħu mill-Ministeru għal Għawdex fir-rigward tal-għajnuna addizzjonali lil studenti Għawdxin li tammonta għal €116.47 kull xahar fil-każ ta’ studenti Universitarji, minbarra għajnuna oħra fir-rigward tat-trasport. Aktar informazzjoni dwar din l-għajnuna tista’ tinkiseb mill-Ministeru għal Għawdex jew minn fuq l-istand tal-GUG matul l-attivitajiet imtellgħa fuq il-Kampus tal-Università fl-ewwel ġimgħa tas-sena akkademika.
Wara li ntemmet din il-laqgħa, il-Ministru Giovanna Debono ippreżentat ċavetta ta’ uffiċċju li ser jibda jintuża mill-membri tal-kumitat tal-GUG sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-laqgħat tagħhom.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en