STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jiskanta kif l-Onor Gino Cauchi, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trattament tal-Anninali llum jagħmel Konferenza Stampa u jagħmel mistoqsija dwar jekk saritx sejħa għall-offerti sabiex jitmexxa ċ-Ċentru ta’ San Frangisk ġewwa Ta’ Qali. It-tweġiba għal din il-mistoqsija ilha li ngħatat pubblikament xhur sħaħ sa minn qabel ma nfetaħ iċ-Ċentru San Frangisk stess. Risposti oħra għal dan diġà ngħataw f’risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari, Dan juri n-nuqqas ta’ serjetà u n-nuqqas ta’ informazzjoni li għandhom il-kelliema tal-Oppożizzjoni. Għal darb’oħra dan juri li l-Oppożizzjoni jinteressaha biss tiżra d-dubji mingħajr ma toffri alternattivi.
Il-Ministeru jerġa’ għal darb’oħra jirrepeti li Ċentru San Franġisk qed jopera mill-privat b’kuntratt mal-Gvern u li jinkludi kirja annwali. Dan seħħ wara proċess ta’ sejħa pubblika li twettaq bejn Ġunju u Awwissu tas-sena 2009 u li wara dan il-proċess kienu 4 ażjendi li tefgħu s-sejħa tagħhom. L-aktar offerta favorevoli ngħatat il-kuntratt.
F’dawn l-aħħar 3 snin kemm ilu mwaqqaf id-Dipartiment għat-Trattament xieraq għall-annimali saru avvanzi kbar f’dan il-qasam. Fost numru ta’ miżuri li twettqu nsibu:
- nfetaħ Ċentru San Franġisk l-ewwel Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali f’pajjiżna li joffri kura 24 siegħa kuljum u servizz ta’ after care;
- bdiet topera l-ambulanza tal-annimali 24 siegħa kuljum ħdud u festi nklużi;
- Daħlu fis-seħħ regolamenti biex kull kelb sal-aħħar ta’ Ġunju tas-sena 2012 ikun microchipped;
- Għotja ta’ għajnuna finanzjarja lis-santwarji tal-annimali;
- Ġew imsaħħa l-liġijiet ta’ dan il-pajjiż biex jagħmlu possibbli pieni ħorox li jistgħu jwasslu anki għal sentenza ta’ ħabs f’każ li xi ħadd jaħqar l-annimali. Instemgħu fil-qorti 21 każ.
Il-prezzijiet mitluba miċ-Ċentru huma mfassla mill-opperatur privat filwaqt li, fil-każ tal-annimali abbandunati meħuda fiċ-Ċentru San Franġisk mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali l-kura hija bla ħlas. Id-Dipartiment iħallas biss lill-operatur privat tal-mediċini użati. Fil-bqija l-kura mgħotija mill-veterinarju u s-servizz ta’ after care hu mingħajr ħlas.
Il-Gvern daħal fi ftehim mal-operatur ukoll biex annimali meħuda fiċ-Ċentru San Franġisk mill-Għaqdiet Non Governattivi jingħataw skont ta’ 20%.
Fost ix-xogħol li l-ħaddiema tad-Dipartiment jagħmlu ta’ kuljum hemm l-immaniġġjar u l-operazzjoni tal-ambulanza tal-annimali li taħdem 24 siegħa kuljum ħdud u festi nklużi. L-uffiċċjali tad-Dipartiment jieħdu ħsieb ukoll ‘l fuq minn 100 kelb u qattus li preżentament jinsabu fiċ-Ċentru tal-Ġħammieri li jkunu nġabru u ġew rikoverati.
Kif kien ħabbar il-Ministeru, fil-Belt Valletta max-Xatt ta’ Pinto ttellgħu numru ta’ tined temporanji biex iservu ta’ kenn għaż-żwiemel tal-karozzini f’dawn ix-xhur tas-sajf. Dawn it-tined temporanji jipprovdu dell għal għaxar żwiemel.
Dawn it-tined qegħdin hemm għal perijodu temporanju sakemm jinħarġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA u jkun tlesta l-proċess tat-tenders biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq shelters permanenti. Ix-shelters permanenti li ser jitpoġġew fil-Belt, il-Qawra, u San Ġiljan, ser ikunu qed jinkludu cesspits biex jinġabar il-ħmieġ tal-annimali, water points u bins.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en