STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Żieda fl-impjiegi u fl-opportunitajiet edukattivi f’Għawdex b’fondi Ewropej
Wara proċess twil u rigoruż li jieħu ż-żmien, l-Unjoni Ewropea għadha kif iċċertifikat li pajjiżna uża l-fondi allokati taħt l-ewwel programm finanzjarju 2004 – 2006 b’mod tajjeb u għaqli. L-gheluq ta’ dan il-programm hu wieħed pożittiv għal pajjiżna għaliex, pajjiżi oħra akbar u li ilhom aktar imsieħba fl-Unjoni Ewropea għadhom ma għalqux il-programm finanzarju tagħhom.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li l-Għawdxin qed ikollhom aktar opportunitajiet edukattivi u ta’ xogħol li qed isiru bis-saħħa ta’ fondi allokati mill-Unjoni Ewropea. Hi qalet li llum aktar żgħażagħ u nies f’Għawdex qed igawdu minn programmi edukattivi. Hi qalet li żdiedu wkoll l-iskemi ta’ taħriġ u ta’ xogħol b’fondi ewropej.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea sa issa r-rata ta’ żieda fl-impjiegi f’Għawdex hi bħaż-żieda fir-rata tal-impjiegi f’Malta. Dan hu pożittiv għal gżira Għawdxija u juri li x-xogħol li qed isir qed jagħti riżultati, għalkemm sostniet li jibqa’ l-impenn tal-Gvern li joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex bi skemi u inċentivi lill-privat.
B’ko-finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea ġew ipprovduti aktar minn 21,500 siegħa ta’ taħriġ lill-aktar minn 400 parteċipant f’korsijiet organizzati mill-Ministeru għal Għawdex u li ġew imtellgħa fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u fil-Kampus tal-Università f’Għawdex. In-numru ta’ parteċipanti kif ukoll il-volum ta’ taħriġ li ngħata ssupera b’mod qawwi l-aspettativi li kienu mistennija inizjalment.
Il-qasam edukattiv, speċjalment dak marbut ma’ taħriġ vokazzjonali li jkompli jżid il-kompetenzi tal-ħaddiema u dawk b’potenzjal li jidħlu fil-qasam tax-xogħol, gawda minn investiment qawwi u kien relatat ma’ diversi oqsma. Il-bini tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li sar b’investiment ta’ €1.9 miljun illum qed jirriżulta f’faċilitajiet ta’ tagħlim u taħriġ mill-aktar moderni li qed iwasslu biex għadd ta’ żgħażagħ Għawdxin jiksbu kompetenzi f’dan is-settur tant importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżira. L-istess jista’ jingħad għaż-żieda fil-faċilitajiet ta’ taħriġ u tagħlim fiċ-ċentri tal-MCAST f’Għawdex li gawdew minn investiment ta’ kważi €400,000 biex ġew mibnija żewġ workshops ġodda li ġew ukoll mgħammra b’apparat ġdid. L-estensjoni taċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u t-twaqqif tal-Crafts Incubation Centre b’investiment ta’ ‘l fuq minn €870,000 wassal biex kompla jikber l-interess f’dan iċ-ċentru li llum qed ikompli jiżviluppa f’ċentru innovattiv li jippromwovi l-kreattività minbarra li jżomm ħajjin snajja’ tradizzjonali li huma parti mill-karatteristiċi li jagħtu identità lil gżira ta’ Għawdex.
Is-settur turistiku, ukoll gawda minn attenzjoni f’diversi oqsma li jinkludu titjib fil-prodott u tisħiħ fis-servizzi u faċilitajiet fin-niċċa turistika tal-għadis. Dawn il-proġetti kienu jinkludu x-xiri ta’ disa’ vetrini speċjalizzati li permezz tagħhom setgħu jibdew jiġu esposti għadd ta’ oġġetti arkeoloġiċi uniċi li nstabu fl-inħawi tal-Ġgantija u b’hekk saħħew il-potenzjal ta’ Għawdex bħala destinazzjoni għal turiżmu kulturali. L-istess ġara permezz ta’ proġett ħolistiku li indirizza l-qasam tal-għadis b’investiment ta’ €1.3 miljun fejn minbarra li sar studju professjonali dwar dan is-settur, ġew mgħarrqa żewġ bastimenti li llum żviluppaw f’żewġ siti popolari mal-għaddasa. Eżerċizzju ta’ reklamar f’rivisti speċjalizzati f’dan il-qasam wassal biex aktar għaddasa saru jafu bl-attrazzjonijiet li joffri Għawdex taħt il-baħar u b’hekk jattira aktar għaddasa barranin li jqattgħu btajjel f’Għawdex. Dan il-proġett kien jinkludi wkoll ix-xiri u l-installazzjoni ta’ Hyperbaric Unit fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li filwaqt li saħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi bħala destinazzjoni li toffri aktar sigurtà lill-għaddasa serva wkoll biex għadd ta’ pazjenti Għawdxin bdew jingħataw servizzi li qabel kien ikollhom jattendu għalihom fi sptarijiet f’Malta.
Proġetti oħra li saru f’Għawdex permezz tal-Programm ta’ Fondi 2004-2006 kienu jinkludu Walk-In Freezers għas-Sajjieda fil-Cold Stores t’Għawdex, kif ukoll tisħiħ infrastrutturali qawwi fit-toroq fosthom dik li mir-Rabat tagħti għal San Lawrenz. Dan ix-xogħol kompla għaddej anke permezz ta’ fondi allokati fit-tieni programm ta’ fondi. Għawdex ibbenefika wkoll mill-programm ta’ rikostruzzjoni ta’ toroq magħruf bħala TEN-T network permezz tal-proġett ta’ bini mill-ġdid tat-triq li mill-Imġarr twassal għax-Xewkija.
Għawdex ibbenefika wkoll minn fondi ta’ qabel is-sħubija u bihom inbena l-ewwel impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’pajjiżna, li sewa aktar minn €7 miljun. Dan wassal biex illum id-drenaġġ kollu tal-gżira ta’ Għawdex qed jiġi direzzjonat lejn dan l-impjant f’Ras il-Ħobż, u jiġi trattat qabel jintefa’ l-baħar. Minbarra x-xogħol marbut mal-bini tal-impjant, dan il-proġett kien jirrekjedi investiment u xogħol estensiv fis-sistema tad-drenaġġ madwar il-gżira biex din tikkonverġi lejn l-impjant.
Sadanittant kompla għaddej xogħol fuq proġetti li qed ikunu finanzjati mit-tieni programm ta’ fondi, li permezz tagħhom ser ikomplu jiġu indirizzati l-bżonnijiet partikolari tal-gżira ta’ Għawdex. Minbarra l-proġetti tal-Ministeru għal Għawdex li jinkludu ristrutturar estensiv fil-ġnien Villa Rundle, it-tkomplija ta’ proġett li wassal biex illum twaqqaf dipartiment tar-Radjoloġija ġdid u ser ikompli bir-ristrutturar ta’ waħda mis-swali tal-operazzjonijiet, il-bini ta’ toroq oħra ġodda bħat-Triq tax-Xlendi, it-triq ta’ Pinu u t-triq mix-Xewkija għar-Rabat, il-proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni tal-inħawi taż-Żewwieqa, Heritage Trail fix-Xagħra, twaqqif ta’ erba’ mogħdijietoħra fil-kampanja, korsijiet ta’ Diploma u Degree fl-ICT, it-turiżmu u l-finanzi, kif ukoll korsijiet fil-lingwi,Għawdex ser jibbenefika minn proġetti koordinati minn Ministeri u entitajiet oħra bħal ma hu dak tar-restawr tal-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella u xogħlijiet oħra marbuta mat-tempji tal-Ġgantija. Dan flimkien ma’ skemi fil-qasam agrikolu u skemi u korsijiet oħra ta’ entitajiet varji, li wħud minnhom, għall-darba oħra, ser ikollhom aċċenn partikolari għall-Għawdxin.
‘Fuq kollox il-proġetti u l-inizjattivi li ser jibbenefikaw mill-Programm ta’ Fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta 2007-2013 huma mfassla fil-kuntest tal-viżjoni eko-Għawdex u ser ikomplu jgħinu biex nilħqu l-objettivi marbuta mal-pjan ta’ żvilupp sostenibbli biex Għawdex isir Għawdex aħjar’ qalet il-Ministru Giovanna Debono filwaqt li żiedet li ‘s-suċċess li kiseb pajjiżna fit-tmexxija tal-proġetti finanzjati mill-ewwel programm ta’ fondi jixhed il-ħila u l-kompetenzi ta’ dawk kollha involuti fit-twettieq tagħhom’.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en