Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

pr1595
Date Icon 28/08/2011

Żieda fl-impjiegi u fl-opportunitajiet edukattivi f’Għawdex b’fondi Ewropej

Wara proċess twil u rigoruż li jieħu ż-żmien, l-Unjoni Ewropea għadha kif iċċertifikat li pajjiżna uża l-fondi allokati taħt l-ewwel programm finanzjarju 2004 – 2006 b’mod tajjeb u għaqli.  L-gheluq ta’ dan il-programm hu wieħed pożittiv għal pajjiżna għaliex, pajjiżi oħra akbar u li ilhom aktar imsieħba fl-Unjoni Ewropea għadhom ma għalqux il-programm finanzarju tagħhom.

Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li l-Għawdxin qed ikollhom aktar opportunitajiet edukattivi u ta’ xogħol li qed isiru bis-saħħa ta’ fondi allokati mill-Unjoni Ewropea.  Hi qalet li llum aktar żgħażagħ u nies f’Għawdex qed igawdu minn programmi edukattivi.  Hi qalet li żdiedu wkoll l-iskemi ta’ taħriġ u ta’ xogħol b’fondi ewropej.

Il-Ministru Giovanna Debono qalet li mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea sa issa r-rata ta’ żieda fl-impjiegi f’Għawdex hi bħaż-żieda fir-rata tal-impjiegi f’Malta.  Dan hu pożittiv għal gżira Għawdxija u juri li x-xogħol li qed isir qed jagħti riżultati, għalkemm sostniet li jibqa’ l-impenn tal-Gvern li joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex bi skemi u inċentivi lill-privat.

B’ko-finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea ġew ipprovduti aktar minn 21,500 siegħa ta’ taħriġ lill-aktar minn 400 parteċipant f’korsijiet organizzati mill-Ministeru għal Għawdex u li ġew imtellgħa fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u fil-Kampus tal-Università f’Għawdex. In-numru ta’ parteċipanti kif ukoll il-volum ta’ taħriġ li ngħata ssupera b’mod qawwi l-aspettativi li kienu mistennija inizjalment.

Il-qasam edukattiv, speċjalment dak marbut ma’ taħriġ vokazzjonali li jkompli jżid il-kompetenzi tal-ħaddiema u dawk b’potenzjal li jidħlu fil-qasam tax-xogħol, gawda minn investiment qawwi u kien relatat ma’ diversi oqsma. Il-bini tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li sar b’investiment ta’ €1.9 miljun illum qed jirriżulta f’faċilitajiet ta’ tagħlim u taħriġ mill-aktar moderni li qed iwasslu biex għadd ta’ żgħażagħ Għawdxin jiksbu kompetenzi f’dan is-settur tant importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżira.  L-istess jista’ jingħad għaż-żieda fil-faċilitajiet ta’ taħriġ u tagħlim fiċ-ċentri tal-MCAST f’Għawdex li gawdew minn investiment ta’ kważi €400,000 biex ġew mibnija żewġ workshops ġodda li ġew ukoll mgħammra b’apparat ġdid. L-estensjoni taċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u t-twaqqif tal-Crafts Incubation Centre b’investiment ta’ ‘l fuq minn €870,000 wassal biex kompla jikber l-interess f’dan iċ-ċentru li llum qed ikompli jiżviluppa f’ċentru innovattiv li jippromwovi l-kreattività minbarra li jżomm ħajjin snajja’ tradizzjonali li huma parti mill-karatteristiċi li jagħtu identità lil gżira ta’ Għawdex.

Is-settur turistiku, ukoll gawda minn attenzjoni f’diversi oqsma li jinkludu titjib fil-prodott u tisħiħ fis-servizzi u faċilitajiet fin-niċċa turistika tal-għadis. Dawn il-proġetti kienu jinkludu x-xiri ta’ disa’ vetrini speċjalizzati li permezz tagħhom setgħu jibdew jiġu esposti għadd ta’ oġġetti arkeoloġiċi uniċi li nstabu fl-inħawi tal-Ġgantija u b’hekk saħħew il-potenzjal ta’ Għawdex bħala destinazzjoni għal turiżmu kulturali. L-istess ġara permezz ta’ proġett ħolistiku li indirizza l-qasam tal-għadis b’investiment ta’ €1.3 miljun fejn minbarra li sar studju professjonali dwar dan is-settur, ġew mgħarrqa żewġ bastimenti li llum żviluppaw f’żewġ siti popolari mal-għaddasa. Eżerċizzju ta’ reklamar f’rivisti speċjalizzati f’dan il-qasam wassal biex aktar għaddasa saru jafu bl-attrazzjonijiet li joffri Għawdex taħt il-baħar u b’hekk jattira aktar għaddasa barranin li jqattgħu btajjel f’Għawdex. Dan il-proġett kien jinkludi wkoll ix-xiri u l-installazzjoni ta’ Hyperbaric Unit  fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li filwaqt li saħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi bħala destinazzjoni li toffri aktar sigurtà lill-għaddasa serva wkoll biex għadd ta’ pazjenti Għawdxin bdew jingħataw servizzi li qabel kien ikollhom jattendu għalihom fi sptarijiet f’Malta.

Proġetti oħra li saru f’Għawdex permezz tal-Programm ta’ Fondi 2004-2006 kienu jinkludu Walk-In Freezers għas-Sajjieda fil-Cold Stores t’Għawdex, kif ukoll tisħiħ infrastrutturali qawwi fit-toroq fosthom dik li mir-Rabat tagħti għal San Lawrenz. Dan ix-xogħol kompla għaddej anke permezz ta’ fondi allokati fit-tieni programm ta’ fondi. Għawdex ibbenefika wkoll mill-programm ta’ rikostruzzjoni ta’ toroq magħruf bħala TEN-T network permezz tal-proġett ta’ bini mill-ġdid tat-triq li mill-Imġarr twassal għax-Xewkija.

Għawdex ibbenefika wkoll minn fondi ta’ qabel is-sħubija u bihom inbena l-ewwel impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’pajjiżna, li sewa aktar minn €7 miljun. Dan wassal biex illum id-drenaġġ kollu tal-gżira ta’ Għawdex qed jiġi direzzjonat lejn dan l-impjant f’Ras il-Ħobż, u jiġi trattat qabel jintefa’ l-baħar. Minbarra x-xogħol marbut mal-bini tal-impjant, dan il-proġett kien jirrekjedi investiment u xogħol estensiv fis-sistema tad-drenaġġ madwar il-gżira biex din tikkonverġi lejn l-impjant.

Sadanittant kompla għaddej xogħol fuq proġetti li qed ikunu finanzjati mit-tieni programm ta’ fondi, li permezz tagħhom ser ikomplu jiġu indirizzati l-bżonnijiet partikolari tal-gżira ta’ Għawdex. Minbarra l-proġetti tal-Ministeru għal Għawdex li jinkludu ristrutturar estensiv fil-ġnien Villa Rundle, it-tkomplija ta’ proġett li wassal biex illum twaqqaf dipartiment tar-Radjoloġija ġdid u ser ikompli bir-ristrutturar ta’ waħda mis-swali tal-operazzjonijiet, il-bini ta’ toroq oħra ġodda bħat-Triq tax-Xlendi, it-triq ta’ Pinu u t-triq mix-Xewkija għar-Rabat, il-proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni tal-inħawi taż-Żewwieqa, Heritage Trail fix-Xagħra, twaqqif ta’ erba’ mogħdijietoħra fil-kampanja, korsijiet ta’ Diploma u Degree fl-ICT, it-turiżmu u l-finanzi, kif ukoll korsijiet fil-lingwi,Għawdex ser jibbenefika minn proġetti koordinati minn Ministeri u entitajiet oħra bħal ma hu dak tar-restawr tal-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella u xogħlijiet oħra marbuta mat-tempji tal-Ġgantija. Dan  flimkien ma’ skemi fil-qasam agrikolu u skemi u korsijiet oħra ta’ entitajiet varji, li wħud minnhom, għall-darba oħra, ser ikollhom aċċenn partikolari għall-Għawdxin. 

‘Fuq kollox il-proġetti u l-inizjattivi li ser jibbenefikaw mill-Programm ta’ Fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta 2007-2013 huma mfassla fil-kuntest tal-viżjoni eko-Għawdex u ser ikomplu jgħinu biex nilħqu l-objettivi marbuta mal-pjan ta’ żvilupp sostenibbli biex Għawdex isir Għawdex aħjar’ qalet il-Ministru Giovanna Debono filwaqt li żiedet li ‘s-suċċess li kiseb pajjiżna fit-tmexxija tal-proġetti finanzjati mill-ewwel programm ta’ fondi jixhed il-ħila u l-kompetenzi ta’ dawk kollha involuti fit-twettieq tagħhom’.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow