Left arrow Mur Lura

XOGĦOL INFRASTRUTTURALI FUQ IL-FARM TAL-GVERN F’GĦAWDEX

pr1590
Date Icon 26/08/2011

Jinsab għaddej xogħol infrastrutturali fil-farm tal-Gvern fix-Xewkija, bil-għan li dan jiġi żviluppat f’Ċentru ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fl-Agrikoltura bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010 – 2012. Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex dalgħodu żaret is-sit fejn jinsabu għaddejjin ix-xogħlijiet, fejn l-andament jinsab miexi b’ritmu mgħaġġel. Bħalissa jinsab għaddej xogħol b’investiment ta’ madwar nofs miljun Ewro li ser ikun qed jipprovdi spazju meħtieġ għall-amministrazzjoni u faċilitajiet oħra f’dan iċ-ċentru.  Qed isiru xogħlijiet fuq tliet laboratorji ġodda, modernizzar ta’ serer, skavar ta’ żewġ ġibjuni, gallinari ġodda għat-tjur u maqjel għall-baqar. Inxtara wkoll makkinarju ġdid li ser jgħin fil-ħidma f’dan il-farm.

Huwa ppjanat li f’dan iċ-ċentru jiġu ppruvati u promossi prattiċi u sistemi ambjentali tajbin fil-qasam agrikolu u fit-trobbija tal-annimali u t-tjur. Barraminhekk ser tingħata attenzjoni biex isiru studji u jiġu kultivati ħxejjex, pjanti u siġar tal-frott endemiku kif ukoll dawk marbuta fil-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma u l-ħamrija. Ser isir investiment biex dan iċ-ċentru jkollu sistema kompjuterizzata għat-tisqija li biha jkun possibbli li titwettaq ir-riċerka dwar l-użu sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura.

Il-Ministru Debono qalet li dan huwa proġett ieħor tal-Ministeru għal Għawdex li qed jitwettaq fid-dawl tal-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika. Sostniet li dan iċ-ċentru għandu l-għan li jsaħħaħ il-qasam agrikolu fil-gżira Għawdxija, fost l-oħrajn permezz ta’ żieda fit-tagħrif u assistenza li tingħata lill-bdiewa u r-raħħala Għawdxin. L-Onor. Giovanna Debono żiedet tgħid li dan iċ-ċentru ser iservi wkoll bħala attrazzjoni agri-turistika. “L-ambjent rurali tal-gżira huwa parti ewlenija mill-karatteristiċi tal-gżira ta’ Għawdex. Minbarra li ser iservi bħala ċentru innovattiv fil-qasam agrikolu, dan il-proġett ser jirriżulta wkoll bħala inizjattiva ta’ valur miżjud li permezz tagħha jiġi massimizzat il-potenzjal agrikolu fil-qasam tat-tisħiħ tal-prodott turistiku Għawdxi speċjalment fil-qasam agri-turistiku”, temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow