Left arrow Mur Lura

IL-PLAYING FIELDS F’GĦAWDEX JINSABU FI STAT AĦJAR - IKOMPLU L-VERIFIKI MILL-ISPETTURI TAL-MCCAA

pr1585
Date Icon 25/08/2011

B’mod ġenerali l-playing fields f’Għawdex huma fi stat aħjar minn dawk f’Malta. Ir-raġuni għal dan hi li ħafna mill-playing fields f’Għawdex inbnew, jew issebbħu jew kienu irranġati b’mod riċenti. Barra minn hekk jirriżulta li f’Għawdex l-atti ta’ vandaliżmu huma anqas.

Dan joħroġ mill-investigazzjonijiet li qed isiru mill-ispetturi tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) bħala parti mill-eżerċizzju ta’ verifika fuq il-playing fields kollha fil-gżejjer Maltin. Dawn il-playing fields qed jiġu ċċekkjati skont l-istandard maħruġ fl-2010 wara proċess ta’ konsultazzjoni twil ma’ entitajiet differenti fosthom mal-Kunsilli Lokali.

F’Għawdex hemm 23 playing field li huma responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali.  Erbatax minn dawn diġà kienu ċċekkjati.  Playing field waħda biss, li tinsab f’Marsalforn, instabet li mhux konformi mal-istandard u għaldaqstant kien rakkomandat li wħud mit-tagħmir tal-logħob ma jibqax aċċessibbli għat-tfal sakemm jiġi irranġat. 

B’kuntrast, mill-127 playing field li hemm f’Malta, sa nofs Awwissu kienu spezzjonati 57. Fil-każ ta’ seba’ minnhom instab li dawn ma kinux konformi mal-istandard. Dan ifisser li mill-150 playing field lokali fil-gżejjer Maltin, 71 kienu spezzjonati u fuq tmienja minnhom inħarġet rakkomandazzjoni biex jingħalqu jew biex ma jibqgħux aċċessibbli sakemm jiġu rranġati.
Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta u Kunsilli Lokali Chris Said meta mas-Sindku tax-Xagħra Joseph Cordina żaru l-playing field fi Ġnien Carmelo Refalo.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvern ħareġ skema biex jgħin finanzjarjament lill-Kunsilli Lokali jtejbu l-faċilitajiet tal-playing fields li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tagħhom. L-iskema ħarġet mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali (DLG) u hi intenzjonata biex tassigura li dawk il-playing fields li mhumiex skont l-istandard tal-MCCAA, jkunu jistgħu jitranġaw bla telf ta’ żmien. L-iskema tagħlaq f’nofs Ottubru li ġej.

Mill-ispezzjonijiet li saru s’issa jirriżulta li l-aktar nuqqasijiet komuni fil-playgrounds Maltin huma n-nuqqas ta tabelli li jindikaw numri ta telefon f’każ ta emerġenza; in-nuqqas ta materjal li jassorbi l-waqgħa tat-tfal minn fuq l-apparat tal-logħob; apparat qadim li jista’ jkun ta’ periklu; ħitan ta’ lqugħ li mhux għoli biżżejjed, bandli mhux aġġustati tajjeb; u nuqqas ta’ sinjali tat-traffiku fil-viċinanzi tal-playgrounds.

Dawn kollha huma rekwiżiti fl-istandard imfassal mill-MCCAA (ex-MSA) fl-2010. L-ispezzjonijiet li qed isiru skont dak l-istandard, iridu jitlestew sa tmiem din is-sena. L-ispetturi tal-MCCAA ingħataw taħriġ minn uffiċjali tal-organizzazzjoni Ingliża ROSPA li tipprovdi taħriġ f’dan il-qasam. L-uffiċjali responsabli mill-playgrounds, imqabbda mil-Kunsilli Lokali, ukoll ingħataw it-taħriġ neċessarju għal spezzjonijiet li jridu jagħmlu kuljum.

Taħriġ simili sejjer jingħata f’żmien qasir lil-Uffiċjali responsabli Għawdxin li ma stgħux jattendu taħriġ li kien ingħata Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-iskema għat-titjib tal-playgrounds hi intiża biex tgħin finanzjarjament li dawk il-Kunsilli Lokali li jridu jaġġornaw il-playgrounds tagħhom b’mod partikolari fejn dawn huma qodma u għaldaqstant  ma kinux disinjati skont dan l-istandard. Hu appella biex kull min jiffrekwenta dawn il-postijiet għandu jgħin biex il-faċilitajiet jinżammu fi stat tajjeb sabiex jitgawdew kif suppost.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow