Left arrow Go Back

KAMPANJA EDUKATTIVA DWAR EKO-GĦAWDEX WAQT SKOLA SAJF

pr1580
Date Icon 24/08/2011

Madwar 500 tifel u tifla mill-iskejjel primarji ta’ Għawdex li qegħdin jattendu ċ-ċentri ta’ Skola Sajf fi ħdan il-Gozo College kif ukoll fiċ-ċentru tal-Oratorju Don Bosco, dan is-sajf ipparteċipaw f’kampanja edukattiva relatata mal-għarfien u l-promozzjoni tal-identità kulturali ta’ Għawdex, waħda mill-miżuri fi ħdan il-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010 – 2012.

Il-kampanja edukattiva kienet tinkludi ħarġiet f’postijiet storiċi u kulturali kif ukoll f’abitati naturali madwar Għawdex li jagħtu identità lill-gżira u li jattiraw lit-turisti lejn il-gżira Għawdxija. Fost l-oħrajn ingħatat ukoll prominenza lill-ħitan tas-sejjieħ u l-kreaturi u l-organiżmi tal-kampanja. Dawn il-ħarġiet ġew segwiti minn wirja ta’ xogħlijiet li saru mit-tfal stess waqt is-sessjonijiet ta’ Skola Sajf. Il-proġetti li saru fi gruppi, jinkludu tpinġija, mudelli, posters u crafts oħra dwar diversi temi li jagħmlu lil Għawdex gżira unika. Is-suġġetti kienu jinkludu l-għasel u n-naħal, il-ħitan tas-sejjieħ, il-kampanja, postijiet storiċi u kulturali, u l-ikel tradizzjonali Għawdxi. L-istudenti li qed jattendu ċ-Ċentru tal-Oratorju Don Bosco pparteċipaw ukoll b’attivitajiet li kienu jinkludu tħawwil ta’ pjanti kif ukoll b’ħarġiet kulturali.

Waqt żjara li għamlet fl-Iskola Primarja ta’ Victoria, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex iltaqgħet mal-istudenti li qed jattendu dan iċ-ċentru ta’ Skola Sajf b’mod regolari. Hija kellha l-opportunità wkoll li tara l-wirja tax-xogħlijiet tal-istudenti li ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sa nhar il-Ġimgħa. Il-Ministru Debono uriet sodisfazzjon għall-parteċipazzjoni tal-istudenti f’din il-wirja u qalet li permezz ta’ din l-inizjattiva t-tfal Għawdxin żgur li saru japprezzaw aktar il-wirt storiku u kulturali tal-gżira. Sostniet li minn età żgħira t-tfal għandhom jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u l-ħarsien ta’ dan il-wirt. Il-Ministru għal Għawdex qassmet ċertifikat lil kull student li pparteċipa f’din il-wirja.

Bħal snin oħra, f’Għawdex qed jiġi organizzat ukoll Klabb Sajf fejn b’kollox qed jattendu aktar minn 100 tifel u tifla mill-ewwel sat-tielet klassi tal-iskola primarja f’erba’ ċentri madwar Għawdex. Is-sessjonijiet ta’ Skola Sajf u Klabb Sajf qed ikunu animati minn studenti għalliema u jinkludu żfin, logħob, qari, tpinġija u attivitajiet oħra fosthom tagħlim fuq prattiċi tajbin għas-saħħa bħal dieta bilanċjata u eżerċizzju fiżiku.

Għall-ewwel darba din is-sena, l-Ispecial Unit ta’ Sannat huwa wieħed mit-tnax-il ċentru ta’ Skola Sajf fi ħdan il-Gozo College, fejn qed jattendu 9 persuni bi bżonnijiet speċjali.

Skola Sajf f’Għawdex fetħet f’Lulju u mistennija tibqa’ għaddejja sal-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow