STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITA’
Il-Gvern iżid il-postijiet għall-anzjani fi djar residenzjali – żieda ta’ aktar minn 600 post… anzjani li jgħixu f’Dar tal-Anzjani privati jħallsu anqas income tax … pensjoni tal-wens għal qraba li jieħdu ħsieb anzjani f’darhom … anzjani jistgħu jibqgħu jaħdmu u jieħdu paga u pensjoni sħiħa
Il-Gvern qed ikompli iżid is-servizzi fil-komunita’ u residenzjali għall-anzjani. Illum 753 anzjan u anzjana qed jgħixu f’waħda mit-8 Dar tal-Anzjani tal-Gvern. Din hi żieda ta’ 134 fuq ħames snin ilu.
Il-Gvern żied sostanzjalment ukoll l-ammont ta’ sodod li jikri fi Djar tal-Anzjani privati biex aktar anzjani li jixtiequ jgħixu f’dar tal-anzjani fil-komunita’ ikunu jistgħu jagħmlu dan. Bħalissa 343 anzjan u anzjana qed jgħixu f’Dar tal-Anzjani privata, bl-ispejjeż jitħallsu mill-Gvern, filwaqt li l-anzjani jikkontribwixxu parti mill-pensjoni l-istess bħall-anzjani li joqgħodu f’Dar tal-Anzjani tal-Gvern. Filwaqt li 5 snin ilu kien hemm 34 anzjan u anzjana li kienu qed igawdu mill-iskema ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat, illum hemm 343.
Fl-2009, il-Gvern fetaħ żewġ swali ġodda San Ġorġ u Santa Bernardetta f’Ħ’Attard għal 64 anzjan u anzjana, biex illum l-ammont ta’ sodod f’dan il-kumpless żdied għal 100. L-ewwel swali – St Jean Antide - kienu infetħu fl-2006.
Fir-Residenza San Vincenz de Paul illum hemm 1,121 – żieda ta’ 100 anzjana f’ħames snin. F’din ir-Residenza sar u għaddej proċess qawwi ta’ moderniżżar. Il-Gvern għamel ukoll swali ġodda għal kura speċjaliżżata tad-dimentia. Saret blokka ġdida Papa Ġwanni Pawlu II għal 144 anzjan u anzjana.
Il-Gvern, f’din il-leġislatura nieda wkoll skema li permezz tagħha, anzjani li jiddeċiedu li jgħixu f’dar tal-anzjani privata ikunu jistghu igawdu minn tnaqqis fl-income tax. Fl-2009, 1,128 anzjan u anzjana naqqsu bejnietħom mir-return tal-income tax €2,092,053. Fl-2010 1,234 anzjan u anzjana naqqsu bejniethom €2,312,017. Permezz ta’ din l-inizjattiva l-Gvern qed jgħin finanzjarjament lill-anzjani, kif jagħmel il-Gvern ukoll bi tnaqqis fl-income tax lill-ġenituri li jagħżlu li jibgħatu lit-tfal tagħhom fi skejjel privati, f’child care centre u f’akkademji sportivi.
Il-Gvern jagħti l-Pensjoni tal-Wens lil persuni li huma single jew romol, u li jieħdu ħsieb anzjani, persuna marida li hija bed ridden jew fil-wheel chair u joqgħodu fl-istess residenza.
F’dawn l-aħħar tlett snin kien kemm 564 benefiċċarji li għamlu użu min din l-iskema soċjali. Dan ingħataw bejniethom €2,366,839.
Is-Segretarju Parlamentari għall-anzjani u kura fil-komunita’ Mario Galea f’kumment dwar dawn l-inizjattivi meħuda mill-Gvern fil-qasam tal-anzjani qal li l-Gvern qed jaħdem biex l-anzjani jibqgħu attivi u fil-komunita’. Hu qal li llum persuna li tilħaq l-eta’ tal-irtirar ingħatat id-dritt li tibqa’ f’impjieg u tieħu pensjoni u paga sħiħa. Sa ftit taż-żmien ilu persuna li tagħlaq 61 sena kienet titlef id-dritt tal-pensjoni jekk tibqa’ taħdem. Barra minhekk l-anzjani qed jingħataw żieda sħiħa fil-pensjoni daqs il-ħaddiema.
Hu qal li jasal żmien fejn persuna jkollha bżonn li tfittex li toqgħod ma’ ħaddiehor f’dar residenzjali. Għalhekk il-Gvern minbarra li fetaħ l-ewwel żewġ night shelters fiż-Żejtun u l-Mellieħa, qiegħed iżid ukoll l-ammont ta’ postijiet fi djar residenzjali biex l-anzjani li jagħmlu din l-għażla jkunu jistgħu jgħixu f’dar tal-anzjani b’moħħhom mistrieħ. Hu qal li l-Gvern żied l-investiment fil-qasam tal-anzjani biex illum fid-djar residenzjali u fl-iskema ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat hemm 2,317 anzjan u anzjana jgawdu minnhom. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 600 anzjan u anzjana fuq dak li kien hemm 5 snin ilu.
Mario Galea qal li l-anzjani jagħtu sehem attiv f’diversi organiżazzjonijiet u għaqdiet volontarji. Hu sellem lill-anzjani voluntiera fis-sena dedikata lill-volontarjat u rringrazzjahom ta’ dak kollu li jagħmlu għal ġid tal-familji u s-soċjeta’.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006