Left arrow Mur Lura

IX-XOGĦOL FI ĠNIEN IT-TLIET GĦOLJIET F’MARSALFORN FI STADJU AVVANZAT

pr1563
Date Icon 19/08/2011

“Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn jinsab fi stadju avvanzat u b’hekk fi żmien relattivament qasir, bosta familji jkunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju rikreattiv ġdid fil-gżira Għawdxija”. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt żjara li għamlet fuq is-sit dalgħodu, li għaliha attenda wkoll l-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq dan il-ġnien jinkludi bini ta’ ħitan tas-sejjieħ u installazzjonijiet tas-sistemi tad-dawl, irrigazzjoni u drenaġġ. Mill-ġimgħa d-dieħla mbagħad mistenni jibda x-xogħol tat-tqegħid tal-madum. Dan wara li tlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni neċessarju li kien jinkludi passaġġi u bini ta’ ġibjun għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita biex dan ikun jista’ jintuża fl-istess ġnien. Bħalissa qed tiġi aġġudikata s-sejħa għall-provediment ta’ għamara għall-ġonna u strutturi tal-logħob adattati għat-tfal. F’dan il-ġnien ser jitħawlu madwar 750 siġra u arbuxelli, fejn il-maġġor parti tas-siġar ser ikunu indiġeni.

L-Onor. Giovanna Debono qalet li minbarra li se joffri aktar postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familji, dan il-proġett ser ikompli jżid aktar spazji ħodor li jkomplu jsebbħu u jsaħħu l-ambjent rurali tal-gżira ta’ Għawdex. Żiedet tgħid li l-għażla ta’ dan is-sit għandha wkoll sinifikat għax il-lokalità hija waħda prominenti u frekwentata minn ħafna turisti u familji Maltin u Għawdxin. Il-Ministru għal Għawdex fissret kif dan il-proġett huwa wieħed minn erba’ ġonna li fuqhom qed isir xogħol marbut ma’ programm ta’ afforestazzjoni fi ħdan il-pjan ta’ azzjoni marbut mal-viżjoni eko-Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex semmiet proġett importanti ieħor marbut mal-ġonna fil-gżira Għawdxija, dak tal-ġonna Villa Rundle, liema proġett ser ikun kofinanzjat mill-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali. L-Onor. Giovanna Debono sostniet li dan il-proġett, li wkoll jinsab fi stadju avvanzat, ser jirriżulta f’titjib u tisbiħ sostanzjali f’dan il-ġnien pubbliku storiku fil-qalba tal-Belt Victoria.

Għal din iż-żjara kienu wkoll preżenti is-Sinjura Marija Saliba, Chairperson tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn u s-Sur Charles Saliba, Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex.

Ix-xogħol fuq dan il-ġnien qed ikun koordinat mill-Ministeru għal Għawdex filwaqt li l-Kumpanija Magro Brothers Foods Ltd ser tkun qed tipprovdi s-siġar li ser jitħawlu hekk kif jitlesta x-xogħol strutturali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow