Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA

pr1561
Date Icon 19/08/2011

Evarist Bartolo jkompli jikkwota ċifri żbaljati: 73% taż-żgħażagħ qed ikomplu jistudjaw

Id-Deputati Laburisti Evarist Bartolo u Owen Bonnici li huma responsabbli għas-settur tal-Edukazzjoni u l-Edukazzjoni Ogħla, qed ikompli jħawdu u jikkwotaw ċifri żbaljati bl-iskop uniku li jippruvaw inaqqsu mis-suċċess li l-pajjiż qed jikseb fil-qasam edukattiv u jaqtgħu qalb iż-żgħażagħ milli jkomplu jistudjaw.

F’konferenza tal-aħbarijiet li ż-żewġ kelliema Laburisti taw dalgħodu komplew jirrepetu informazzjoni li diġà ġiet miċħuda uffiċjalment.  Fil-konferenza ntqal li Malta hi l-iżjed pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn iż-żgħażagħ ma jkomplux jistudjaw wara s-sekondarja għax minn madwar 5,000 persuna, 1,800 ma jkomplux jistudjaw.

Minn statistika uffiċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla jirriżulta li fl-2010, kien hemm 73% tal-istudenti tal-età ta’ 17-il sena (sena wara li jispiċċaw is-sekondarja) li komplew jistudjaw.  Fl-1999 dawn kienu jammontaw għal 43% biss. Dan ifisser li f’10 snin kien hemm żieda ta’ 30% fin-numru ta’ żgħażagħ li baqgħu jistudjaw wara s-sekondarja.

Għal darb’oħra Evarist Bartolo semma r-riżultati tas-SEC. Jikkwota ċifri li ma jikkorrispondux mal-verità sħiħa. 

Jerġa’ jirrepeti l-ħrafa li min jikseb gradi 6 u 7 fis-SEC la jista’ jkompli jistudja u anqas jaħdem bihom.  Dan assolutament mhux minnu.  B’dawn il-gradi wieħed jista’ jkompli jistudja wara s-sekondarja f’korsijiet offruti mill-MCAST, L-Istitut għall-Istudji Turistiċi u mill-Higher Secondary School.  Hu ċar li l-istorja suċċess tal-MCAST lill-Partit Laburista ddejqu u allura jipprova jiskredita lil din l-istituzzjoni edukattiva li qed toffri opportunitajiet kbar lil min irid ikompli jistudja u joffri wkoll it-tieni ċans lil ħafna żgħażagħ. 

Dan meta mill-MCAST, kif suppost jaf Evarist Bartolo, fi tmiem is-sena akkademika li għaddiet kien hemm 63 student li kisbu degree f’suġġett vokazzjonali f’livell 6 fil-Qafas tal-Kwalifiki.

Anqas ma hu veru li b’dawn ir-riżultati wieħed ma jsibx jaħdem. Huma bosta l-opportunitajiet ta’ xogħol li wieħed jista’ jidħol għalihom b’dawn  il-gradi, fosthom fl-Armata u fil-Pulizija barra diversi xogħol ieħor kemm mal-Gvern kif ukoll mal-privat.

Tkellem ukoll dwar ir-riżultati miksuba fis-suġġetti tax-xjenza u jieħu perċentaġġ fuq in-numru totali ta’ studenti ta’ 16-il sena inkluż dawk li b’għażla tagħhom ma ħadux dawn is-suġġetti, biex ir-riżultati miksuba jidhru fqar.  Fil-verità, minn statistika tal-MATSEC, minn dawk li għamlu l-eżami tal-Fiżika 89.9% kisbu gradi minn 1 sa 5 u 82.6% kisbu gradi minn 1 sa 7. L-istess medja pożittiva nkisbet fis-suġġetti l-oħra tax-xjenza.

Barra minn dan il-kelliem Laburista qed jieħu bħala finali r-riżltati miksuba f’Mejju meta jaf li f’Settembru jsiru resits u l-perċentaġġi ta’ studenti li jġibu riżultati pożittivi se jikber. Fis-snin l-imgħoddija l-medja ta’ suċċess fir-resits kienet ta’ almenu 5%.

Il-kelliema Laburisti huma żbaljati kompletament anke fuq l-istudji tal-lingwi miż-żgħażagħ Maltin.  Qalu li minn dawk li għadhom kemm temmew l-edukazzjoni sekondarja kienu biss 1462 li studjaw it-Taljan meta fil-fatt kienu 2885; li 1164 biss studjaw il-Franċiż meta fil-fatt kienu 1929; li 205 biss studjaw l-Ispanjol meta fil-fatt kienu 237 u li 262 biss studjaw il-Ġermaniż meta fil-fatt kienu 485. Dan kif jirriżulta lid-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni. 

Fl-eżamijiet tas-SEC 94.9% li għamlu l-eżami tat-Taljan għaddew minnu kif għaddew 94.3% mill-Franċiż, 74.6% fil-Ġermaniż u 87.2% fl-Ispanjol.

Dan kollu juri kemm l-investiment qawwi li l-Gvern qed jagħmel fl-edukazzjoni qed iħalli r-riżultati meħtieġa kemm għall-pajjiż kif ukoll għaż-żgħażagħ infushom.  Minkejja dan il-Ministeru u d-Direttorati tal-Edukazzjoni jibqgħu impenjati li jkompli jtejbu dawn ir-riżultati biex jintlaħqu l-miri li hemm kemm fil-Programm ta’ Riforma Nazzjonali kif ukoll fl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea EU 20/20.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow