MALTA TIKKORDINA OPERAZZJONI UMANITARJA FIL-LIBJA
Illum wara nofsinhar intemmet operazzjoni umanitarja ta' evakwazzjoni ta' Libjani feruti u l-familjari tagħhom mit-Tunezija lejn Benghazi u Misrata li kienet ko-ordinata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Din l-operazzjoni bdiet nhar it-Tlieta filgħodu.
L-operazzjoni kellha il-bidu tagħha b’talba li saret lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi miċ-Chairman tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali Tranzitorju Libjan Mahmoud Jibril.
Il-Prim Ministru Malti, in vista tal-ħtieġa ta’ assistenza umanitarja rikjesta, ta direttiva immedjata sabiex titmexxa l-evakwazzjoni ta' 620 Libjan li kienu f'Tuneż sabiex imorru lura lejn darhom f'Misurata u Benghazi.
Dawn is-620 persuna, b'etajiet li jvarjaw minn 27 ġurnata għal 'l fuq minn 80 sena, kienu jinkludu 287 persuna li kienu ħadu kura medika fit-Tuneżija, u 95 tifel u tifla.
Dawn ittellgħu fuq il-Catamaran `Maria Dolores` nhar il-Tlieta filgħaxija minn Sfax Tunezija wara ħidma sfieqa li saret mill-Ambaxxata Maltija fit-Tuneżija li kienet f`kuntatt dirett mal-awtoritajiet Tuneżini u mal-Kunsill Nazzjonali Tranżitorju.
Fuq il-katamaran kien hemm ukoll tim Malti ta’ 26 persuna kompost minn uffiċali pubbliċi mid-Dipartiment tad-Difiża ta’ Malta, il-Dipartiment tas-Saħħa u tal-Isptar Mater Dei, u dak tal-Protezzjoni Ċivili.
Dan it-tim assista l-passiġġieri li kellhom bżonn għajnuna medika anki matul il-vjaġġ.
Fl-operazzjoni ittieħdu wkoll żewġ kadavri lejn Misurata u ieħor lejn Benghazi.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien f`kuntatt kontinwu mat-tim Malti matul l-istadji kollha tal-operazzjoni umanitarja. L-iktar parti delikata tal-operazzjoni kien id-dħul l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu kmieni wara nofsinhar fil-port ta’ Misrata li għadha konsiderata żona ta’ Gwerra. Hawn niżlu 200 ruħ.
Wara sagħtejn u nofs fil-Port ta’ Misrata, il-vapur telaq għal Benghazi fi vjaġġ ta’ disa’ sigħat. Hu wasal Benghazi fis-1.00am illum 18 ta’ Awwissu.
F’Benghazi, niżlu 420 persuna. Rapprezentant tal-NTC irringrazzja lill-Gvern Malti għall-għajnuna lill-poplu Libjan f`dal-mument kritiku. Hu għamel dana billi għadda messaġġ lill-Uffiċċju tal-Ko-ordinament li l-Gvern Malti fetaħ f`Benghazi.
Il-Catamaran ‘Maria Dolores’ telaq minn Benghazi fit-3am tal-lum u wara vjaġġ ta’ għaxar sigħat waslu Malta.
Il-Prim Ministru f`kuntatt dirett mat-tim Malti rringrazzja lilhom u lill-familji għall-ħidma tagħhom sabiex din l-operazzjoni delikata tkun suċċess.
L-Agent Prim Ministru Tonio Borg laqa’ lit-tim Malti lura li wasal illum wara nofsinhar f’Boiler Wharf l-Isla u rringrazzja lit-tim kollu għall-ħidma impenjattiva u delikata li wettqu. Hu rringrazzja wkoll lill-kumpanija Virtu' Ferries għall-kollaborazzjoni. Din hija ħolqa oħra fil-kullana ta' ħidma umanitarja li l-Gvern Malti qed iwettaq b'risq il-poplu Libjan.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006