EDIZZJONI OĦRA TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-FOLKLOR FIL-QALA
Għas-sitt sena konsekuttiva, il-lokalità tal-Qala ser tkun qed tospita l-Festival Internazzjonali tal-Folklor, li din is-sena se jsir bejn il-15 u t-18 ta’ Settembru.
Id-dettalji dwar dan il-festival ta’ erbat ijiem organizzat minn kumitat fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Qala bil-parteċipazzjoni tal-Menhir Qala Folk Group, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said u mis-Sindku tal-lokalità s-Sur Paul Buttigieg.
L-attività se tkun megħjuna finanzjarjament permezz tal-iskema ta’ Eko-Għawdex għall-Għaqdiet mhux Governattivi mħaddma mill-Ministeru għal Għawdex b’għajnuna li tammonta għal aktar minn €5,000; kif ukoll permezz tal-iskema ta’ Inizjattivi u Attivitajiet imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u li tammonta għal €7,500. Bħas-snin li għaddew, għajnuna oħra ser tingħata permezz tal-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ser jipparteċipaw tliet gruppi folkloristiċi ġejjin minn Sqallija, il-Belarussja u l-Irlanda. Din ser tkun l-ewwel darba li dawn il-gruppi ser jipparteċipaw f’dan il-festival. Fl-aħħar sitt snin kemm ilu jsir il-festival, il-gruppi parteċipi, li fl-edizzjonijiet preċedenti kienu jammontaw għal tnejn, kienu dejjem differenti. Attrazzjonijiet oħra f’dan il-festival folkloristiku li din is-sena ser ikunu qed jittellgħu għat-tielet darba, huma t-tieġ tradizzjonali Għawdxi u l-konferenza internazzjonali tal-folklor fejn dak li jintqal u l-esperjenzi aktar tard jiġu dokumentati fi ktejjeb biex jinżamm bħala referenza valida. Il-konferenza ser issir is-Sibt 17 ta’ Settembru. Inizjattiva ġdida f’dan il-festival se tkun l-attrazzjoni ta’ logħob tradizzjonali Għawdxi minn grupp ta’ tfal mill-Qala stess, li matul is-sajf kienu impenjati f’taħriġ biex ikunu jistgħu jiżfnu u jilagħbu logħob tradizzjonali matul dan il-festival. Il-programm għal din is-sena ser jinkludi żfin folkloristiku mill-gruppi parteċipi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, kif ukoll wirja li tesponi snajja’ tradizzjonali li għadhom ħajjin fil-lokalità tal-Qala fosthom dik marbuta mal-ħdim tal-kpiepel bil-weraq tal-palm kif ukoll dak tan-nases u ġwielaq bil-qasab.
L-Onor. Giovanna Debono saħqet li l-qasam folkloristiku huwa aspett li jikkonverġi mal-objettivi tal-viżjoni eko-Għawdex li tfittex tikkonserva u tippromwovi l-wirt kulturali u storiku li huwa minsuġ fit-tessut karatteristiku li jifforma l-identità distinta tal-gżira ta’ Għawdex. Il-Ministru Debono sostniet li huwa għalhekk li l-applikazzjoni tal-Menhir Qala Folk Group kienet waħda mit-38 applikazzjoni li ġew milqugħa taħt din l-iskema, li bejniethom ser ikunu qed jibbenefikaw minn €1.24 miljun fi proġetti li huma marbuta mal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni 2010 – 2012. Żiedet tgħid li l-lokalità tal-Qala ser tkun qed tibbenefika minn kważi €70,000 oħra taħt l-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Kunsilli Lokali li permezz tagħhom ser ikun jista’ jitlesta l-proġett tat-twaqqif ta’ mużew tal-folkor ġewwa din il-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Qala li ta’ kull sena qed itejjeb il-livell tal-Qala International Folk Festival u miegħu qed jabbina konferenza internazzjonali dwar il-wirt tal-ġebla. L-attività qed tilħaq l-iskop tal-Iskema Inizjattivi u Attivitajiet imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għaliex qed tiġġenera influss ta’ viżitaturi kemm Maltin kif ukoll barranin lejn lokalitajiet li mhux normali jattiraw turisti lejhom. B’hekk l-inħawi kollha tal-gżejjer Maltin jibdew igawdu mill-industrija tat-turiżmu.
Il-Qala International Folk Festival qed jgħin ukoll biex iqarreb lill-Qalin lejn it-tradizzjonijiet tal-lokalità tagħhom u qed jgħin biex jinżammu ħajjin dawn l-istess tradizzjonijiet. Ir-residenti qed iħossuhom dejjem aktar parteċipi f’dak li jorganizza l-Kunsill Lokali u huma wkoll qed jifhmu l-importanza tal-ħarsien tal-identità u tal-wirt storiku u kulturali. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dawn l-attivitajiet qed irawmu sens ċiviku qawwi u qed jitfgħu dawl fuq il-karatteristiċi partikolari tal-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex.
Il-Festival Internazzjonali tal-Folk fil-Qala sar festival stabbilit fil-kalendarju kulturali annwali fil-gżira ta’ Għawdex u huwa mistenni mhux biss minn nies tal-lokalità tal-Qala iżda anke minn Għawdxin u Maltin li jattendu l-attivitajiet marbuta miegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006