L-ILJIELI MELLEĦIN 2011 – B’ĦARSA LEJN FUTUR SOSTENIBBLI GĦAL-LOKALITA’ TAL-MELLIEĦA
L-edizzjoni tal-Iljieli Melleħin 2011, li se ssir bejn il-Ġimgħa 9 u l-Ħadd 11 ta’ Settembru mhux se tkun biss ċelebrazzjoni tas-sbuħija u tat-talent Mellieħi, iżda wkoll se tgħin biex il-Kunsill Lokali jkompli jippjana għall-futur. Dan hekk kif il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qed iniedi dokument dwar il-Mellieħa bħala lokalita’ sostenibbli.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said u mis-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar. Matulha ingħataw dettalji dwar l-Iljieli Melleħin 2011 – ir-raba’ edizzjoni ta’ din l-attivita’ u li fiha se jagħtu sehem qawwi l-għaqdiet u s-soċjetajiet Melleħin.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa hu responsabbli għal territorju kbir ħafna b’pajsaġġ li jvarja minn kampanja għal xtajtiet. Irrispettivament mill-istaġun, il-Mellieħa – minn Għajn Tuffieħa sal-Aħrax - tattira numru kbir ta’ Maltin u turisti li jgawdu l-pajsaġġ tagħha. Dan iwassal biex ikun hemm pressjoni kbira fuq ir-riżorsi tal-lokalita’ u jiġi ġġenerat ammont kbir ta’ skart. Hu għalhekk importanti li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jibqa’ jsib metodi kif il-lokalita’ tkompli tiżviluppa b’mod sostenibbli filwaqt li tibqa’ tattira l-viżitaturi li jgħinu n-negozju u jiġġeneraw il-kummerċ. Dan jista’ jagħmlu billi jfassal pjan ħolistiku li jista’ jitwettaq fis-snin li ġejjin.
Fost id-deċiżjonijiet li ttieħdu fis-snin li għaddew, hemm dawk li ma jistgħux isiru bar-b-cues mingħajr permess fuq il-bajja tal-Għadira. Dan hu parti mill-impenn tal-Kunsill Lokali li jżomm il-lokalita’ u l-faċilitajiet li toffri, fi stat eċċellenti. Il-Bajja tal-Għadira bħalissa qed tkun assessjata biex tingħata ċ-ċertifikat Blue Flag.
Dwar l-Iljieli Melleħin 2011, tħabbar li l-mistednin speċjali għall-ewwel serata se jkunu Imagine… The Beatles – l-aqwa tribute band ta’ dan il-grupp ikona tal-mużika pop tas-sittinijiet. Il-Ħadd filgħodu se ssir ġirja bil-muturi mill-Blue Beacon Bikers mill-Kwartieri tal-Pulizija fil-Floriana sal-Mellieħa.
Matul it-tlitt ijiem postijiet ta’ interess bħas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u x-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija se jkunu miftuħin għall-pubbliku. Se jkun hemm ukoll wirjiet tal-artiġġjanat u kollezzjonijet, ikel tipiku Malti, zona għat-tfal u logħob tan-nar. Ma jonqosx l-ispettaklu ta’ varjeta’ mużikali, kant u żfin b’enfasi fuq it-talent Mellieħi. Se jkun hemm ukoll mużika varja fuq erba’ palkijiet differenti hekk kif it-toroq u l-pjazez ewlenin se jinbidlu f’zoni pedonali.
L-Iljieli Melleħin 2011 hi waħda mill-54 attivita’ li qed ikunu megħjuna finanzjarjament permezz tal-Iskema Inizjattivi u Attiivitajiet 2011 imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006