Left arrow Go Back

PERSUNI B’DIŻABILITÀ F’GĦAWDEX JINGĦATAW ĊERTIFIKAT FL-ICT

pr1550
Date Icon 17/08/2011

Tmien persuni Għawdxin ilkoll bi bżonnijiet speċjali, li l-età tagħhom tvarja bejn it-18 u l-50 sena, ipparteċipaw f’korsijiet li ġew offruti miċ-ċentru għal Matul il-Jum Santa Marta fir-Rabat Għawdex, bil-għan li jtejbu l-ħiliet tagħhom fil-qasam tal-ICT.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex dalgħodu qassmet iċ-ċertifikati lil dawn il-parteċipanti b’diżabilitajiet differenti, f’ċerimonja li saret fl-istess ċentru. Il-korsijiet li ġew offruti kienu dwar l-għarfien tal-kompjuter kif ukoll dwar software speċjalizzat għall-persuni neqsin mid-dawl. Il-korsijiet saru fuq tnax-il ġimgħa ‘l wieħed, u kienu ffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex, mill-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.

Il-Ministru Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ dan iċ-ċentru fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-korsijiet, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-persuni b’diżabilità. Hija rringrazzjat lill-Uffiċċju tal-Koordinatur tad-Diżabilità għal Għawdex li kien strumentali fit-tixrid tal-informazzjoni dwar dawn il-korsijiet. Żiedet tgħid li dawn il-korsijiet qed jagħtu opportunità lill-persuni b’diżabilità f’Għawdex biex ikunu jistgħu jidħlu wkoll fid-dinja teknoloġika u jagħmlu użu mill-kompjuter huma wkoll. Il-Ministru għal Għawdex sostniet li għalkemm diġà sar ħafna progress f’dan il-qasam, għad fadal lok għal aktar ħidma bil-għan li jkun hemm aktar inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fil-qasam tal-edukazzjoni u x-xogħol.

Fiċ-Ċentru Santa Marta jattendu b’mod regolari madwar 40 persuna bi bżonnijiet speċjali, fejn iqattgħu l-ħin jitgħallmu ħiliet jew snajja’ bħal ma huma l-kompjuter, xogħol fl-injam u l-fuħħar u xogħol ieħor tal-idejn. Kmamar oħra f’dan iċ-ċentru huma mgħammra biex jintużaw għall-mistrieħ u oħrajn li jgħinuhom jiksbu ħiliet biex jgħixu ħajja aktar indipendenti. B’kollaborazzjoni ma’ terapisti u professjonisti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-klijenti ta’ dan iċ-ċentru jingħataaw ukoll servizzi terapewtiċi fosthom l-użu tal-Hammett Bath.

Dan iċ-ċentru jinkludu wkoll one-stop-shop li jinkorpora s-servizzi kollha mogħtija fil-qasam tad-diżabilità f’Għawdex u għalhekk jiffaċilita b’mod effettiv lil dawk li jiġu bżonn dawn is-servizzi billi jnaqqas l-iskariġġ u jżid l-effiċjenza. Ħafna mix-xogħol f’dan l-uffiċċju huwa koordinat minn persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow