JIFTĦU L-APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-KORSIJIET TAL-ADULTI
Se tingħata ċertifikazzjoni rikonoxxuta fuq livell Ewropew
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, beda jilqa’ applikazzjonijiet għall-Korsijiet tal-Adulti għas-sena skolastika li jmiss. Dawn il-klassijiet isiru jew filgħodu, jew filgħaxija u anke f’xi Kunsilli Lokali.
Is-sena li għaddiet kien hemm 6300 persuna li attendew għal dawn il-korsijiet li kienet żieda ta’ 43% fuq l-2008. Id-Direttorat joffri wkoll korsijiet fl-iskejjel tad-Drama, tal-Arti u tal-Mużika kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Is-sena li għaddiet kien hemm żjieda ta’ 28% fil-persuni li attendew dawn il-korsijiet li b’kollox telgħu għal 3700 persuna.
Din is-sena d-Direttorat se joffri aktar minn 200 kors differenti. Minn din is-sena se jinbeda proġett pilota biex il-korsijiet tal-crafts jibdew iwasslu biex min ikomplihom b’suċċess ikollu ċertifikat rikonoxxut fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. Il-korsijiet se jkunu kkonċentrati f’ċentri fil-Furjana u l-Imsida biex din il-qabża fil-kwalità ta’ dawn il-korsijiet tkun immonitorjata u appoġġjata kontinwament.
Għas-sena li ġejja d-Direttorat ħa ħsieb ukoll li jiżdiedu korsijiet f’lingwi oħra barra dawk li diġa’ huma offruti li jinkludu l-Malti, l-Ingliż, l-Għarbi, iċ-Ċiniż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Latin, ir-Russu u l-Ispanjol. Issa żdiedu wkoll ir-Rumen, il-Portuġiż, it-Tork, il-Grieg u l-Ungeriż. Dan hu konformi ma’ inizjattiva li qed tieħu l-Unjoni Ewropea biex kemm jista’ jkun ċittadini Ewropej jitgħallmu aktar lingwi.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Dolores Cristina dalgħodu ltaqgħet ma’ wħud mill-istudenti li diġa’ qed jattendu dawn il-lezzjonijiet kif ukoll ma’ persuni li llum stess applikaw biex f’Ottubru li ġej jibdew jattendu għal dawn il-lezzjonijiet. Hi kienet akkumpanjata minn Mario Azzopardi, Direttur li jmexxi d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
F’attività li saret fi Triq ir-Republika u fil-bitħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-iskejjel tal-Mużika, tad-Drama u tal-Arti li jagħmlu parti minn dan id-Direttorat taw wirjiet varji tal-ħiliet li jitgħallmu f’dawn l-iskejjel.
F’kumment lill-ġurnalisti, il-Ministru Dolores Cristina enfasizzat il-ħtieġa li aktar nies ikomplu jistudjaw u jiksbu ħiliet kemm akkademiċi kif ukoll ħiliet oħra li jagħmlu l-ħajja tagħhom aktar kompleta u interessanti. Saħqet fuq l-impenn tal-Gvern li jibda jingħata rikonoxximent għall-ħiliet kollha li wieħed jista’ jakkwista mhux biss minn fuq il-bankijiet tal-iskola f’tagħlim formali imma wkoll f’tagħlim informali u mhux formali.
Il-Ministru qalet li biex jintlaħaq dan l-iskop id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja qed jestendi l-ħidma tiegħu fil-bliet u l-irħula bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali u b’inizjattivi oħra.
Apparti l-korsijiet tal-Adulti filgħaxija, id-Direttorat joffri wkoll numru ta’ korsijiet għal dawk l-adulti li jkunu jistgħu jattendu lezzjonijiet matul il-jum fiċ-ċentru li għandu fl-Imsida. Din is-sena l-korsijiet offruti matul il-jum ukoll żdied b’korsijiet f’lingwi, kompjuter, saħħa, Wellbeing u Successful Ageing, keep-fit, yoga u oħrajn.
Fl-iskola tad-Drama żdiedu wkoll lezzjonijiet fl-Arabic Classical Dance u z-Zumba fuq talba ta’ ħafna adulti li xtaqu jitgħallmu dan it-tip ta’ żfin. Min-naħa l-oħra l-Iskola tal-Arti se tibda toffri korsijiet matul il-ġimgħa kollha inkluż l-introduzzjoni ta’ korsijiet għaż-żgħar. It-tagħlim tal-Mużika żdied sostanzjalment u nfirex f’diversi lokalitajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006