AKTAR BINI TA’ ĦITAN TAS-SEJJIEĦ PERMEZZ TAL-ISKEMA TA’ EKO-GHAWDEX TAL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Fil-lokalità tax-Xagħra qed isir xogħol fuq aktar minn kilometru ta’ ħitan tas-sejjieħ bħala parti mill-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex b’risq il-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi Għawdxin. Din l-iskema qed tiġi ffinanzjata mill-fondi allokati mill-Gvern għat-twettieq tal-pjan ta’ azzjoni ta’ Eko-Ghawdex ghas-snin 2010 – 2012.
Il-proġett propost mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra jinkludi l-bini mill-ġdid u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ fi Triq tas-Sellum u fit-Triq San Marzjan. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex dalgħodu żaret ix-xogħol fit-Triq tas-Sellum, li jinsab fi stadju avvanzat. Il-Ministru Debono rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra għall-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-iskema u spjegat li dawn il-ħitan tas-sejjieħ f’din il-lokalità, flimkien ma’ oħrajn li qed jitwettqu f’lokalitajiet oħrajn ser isebbħu u jgħinu biex jinżamm l-ambjent rurali madwar Għawdex. Żiedet tgħid li l-ħitan tas-sejjieħ għandhom funzjoni oħra essenzjali, dik li jgħinu biex tiġi kkonservata l-ħamrija.
Il-Ministru għal Għawdex ħeġġet lill-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi Għawdxin li huma eliġibbli, biex ikunu parti mit-tieni sejħa ta’ din l-iskema, biex jissottomettu l-proposti tagħhom. Hija fakkret li din l-iskema hija miftuħa għal dawk il-Kunsilli u Kumitati Amministrattivi li ma laħqux applikaw fl-ewwel sejħa kif ukoll għal dawk li l-ispiża tal-proġetti tagħhom hija inferjuri għall-massimu ta’ €70,000 li jistgħu jibbenefikaw minnu. L-applikazzjonijiet ser jibqgħu jintlaqgħu sat-Tnejn 29 ta’ Awwissu, 2011.
Dan il-proġett huwa wieħed mit-13-il proġett li qed jitwettqu minn 8 Kunsilli Lokali u 3 Kumitati Amministrattivi Għawdxin, li qed jibbenefikaw mill-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex. Dawn il-proġetti, li kollha jolqtu xi waħda mill-miżuri tal-pjan ta’ azzjoni marbut mal-viżjoni eko-Għawdex, qed isiru permezz ta’ għajnuna finanzjarja li tlaħħaq aktar minn €660,000, b’massimu ta’ €70,000 kull proġett.
Sadanittant, fil-jiem li għaddew l-Onor. Giovanna Debono żaret ukoll proġett simili li qed isir f’Marsalforn fil-limiti tal-Qbajjar. Proġett estensiv ta’ bini ta’ ħitan tas-sejjieħ u konservazzjoni tal-ambjent rurali taħt din l-iskema huwa dak li ser ikun qed jiġi mwettaq mill-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija.
Proġetti oħra li qegħdin jitwettqu mill-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi jinkludu fost l-oħrajn proġetti marbuta ma’ temi ambjentali bħal ma huma tindif tal-widien, l-użu ta’ sistemi tad-dawl li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku, kif ukoll bdil ta’ vetturi biex jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi.
Permezz ta’ żewġ skemi ta’ eko-Għawdex, waħda għall-Kunsilli Lokali u l-oħra għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi jinsabu għaddejjin 51 proġett, li bejniethom qed jingħataw għajnuna li tlaħħaq €1.9 miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006