STQARRIJA MID-DIPARTIMENT TAL-VAT: L-OPPOŻIZZJONI TAGĦTI INFORMAZZJONI ŻBALJATA, TĦAWWAD ID-DATI U TIVVINTA Ċ-ĊIFRI
B'riferenza għat-tieni stqarrija tal-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, id-Dipartiment tal-VAT jerġa’ jiċħad bil-qawwa kollha li kien hemm xi 4000 persuna li ma ntbagħtulhomx il-formoli tal-VAT. Din id-darba fit-tieni stqarrija l-kelliem qed jgħid li dawn kienu jagħlqu fil-15 ta’ Lulju 2011.
Ġie innutat li l-ewwel stqarrija u t-tieni stqarrija tal-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni ma’ jaqblux bejniethom għax filwaqt li fl-ewwel stqarrija huwa irrefera għal formoli tal-perjodu mil-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu u li jagħlqu fil-15 ta’ Mejju, issa fit-tieni stqarrija jirreferi għall-formoli li jagħlqu fil-15 ta’ Lulju li jirreferu għall-perjodu mil-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Mejju. Din hija inkonsistenza li tipprova ċar kemm l-istqarrija hija ibbażata fuq informazzjoni skorretta, fejn l-oppożizzjoni qed tħawwad id-dati u tivvinta ċ-ċifri.
Barra minn hekk mat-tieni stqarrija ġiet ippubblikata kopja ta’ Estimated Assessment li jinħareġ awtomatikament mis-sistema meta l-formola tal-VAT ma tasalx fid-Dipartiment saż-żmien stipulat. Din hi proċedura awtomatika li ilha teżisti mindu twaqqaf id-Dipartiment tal-VAT u kulħadd jaf li dan l-Estimated Assessment jiġi kanċellat immedjatament meta tasal fid-dipartiment il-formola tal-persuna reġistrata kif suppost. Għaldaqstant il-fatt li persuna tirċievi stima ta’ dan it-tip għax ma tkunx bagħtet il-formola tal-VAT mhux prova li dan seħħ għax id-Dipartiment ma’ bagħatx il-formoli tal-VAT lill-persuna reġistrata.
Id-Dipartiment tal-VAT qed jippubblika ma’ din l-istqarrija żewġ screen shots mis-sistema komputerizzata tal-VAT li jirrapreżentaw audit trail ta’ kemm kien hemm formoli li ġew stampati u li ntbagħtu lill-persuni reġistrati mil-1 ta’ Frar 2011 sal-lum.
Il-formoli tal-VAT jiġu stampati u jintbagħtu madwar sitt ġimgħat qabel id-data ta’ l-għeluq tas-sottomissjoni tal-formola. Għaldaqstant il-formoli tal-VAT li għalqu fil-15 ta’ Marzu, li fir-rapport li qed nippubblikaw huma mmarkati (highlighted), kienu jammontaw għal 11379, u dawn kollha bdew jiġu stampati fit-30 ta’ Marzu. L-istess rapport jindika li dawn ġew stampati kollha. Dawk li jagħlqu fil-15 ta’ Lulju, li kienu 9250, bdew jiġu stampati fl-1 ta’ Ġunju u tlestew u ntbagħtu dik il-gimgħa stess, kif ukoll ikkonfermat mir-rapport. L-ammont ta’ persuni dovuti li jibgħatu l-formola tal-VAT ivarja kull xahar.
L-ammont ta’ oġġezzjonijiet li rċieva d-dipartiment fl-aħħar 3 xhur hu ta’ medja ta’ 115 fix-xahar. Għalhekk meta l-oppożizzjoni semmiet eluf kienet ukoll skorretta.
L-istqarrija tal-kelliem ta’ l-oppożizzjoni kienet ‘l bogħod mil-verita’ u intiża biss biex titfa’ dubji fuq l-operat tad-Dipartiment.
(Attachments: May 2011.pdf; July 2011.pdf)
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006