Left arrow Mur Lura

INAWGURATA L-WIRJA TAL-BIEDJA U SNAJJA’ 2011

pr1535
Date Icon 15/08/2011

Il-wirja tradizzjonali tal-Biedja u Snajja’ li ilha tiġi organizzata mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali ta’ Għawdex sa mill-1855, reġgħet żammet l-appuntament tagħha ma’ eluf ta’ viżitaturi Għawdxin, Maltin u barranin.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex inawgurat uffiċjalment il-Wirja tal-Biedja u Snajja’ 2011, li din is-sena qed issir fil-parkeġġ tal-iskola sekondarja tas-subien u fit-triq ġdida biswit l-istess skola fir-Rabat. Dan minħabba li fil-ġonna pubbliċi tal-Villa Rundle, fejn tradizzjonalment tinżamm din il-wirja għadu għaddej xogħol infrastrutturali qawwi li ser jirriżulta f’ristrutturar u tisbiħ estensiv f’dan il-ġnien storiku.

Waqt id-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Ministru għal Għawdex ħabbret li wara s-suċċess tas-suq tal-bdiewa f’Malta, issa l-bdiewa, sajjieda, għaqdiet tal-produtturi u koperattivi, ser jingħataw l-istess opportunità permezz tat-twaqqif ta’ suq simili f’Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex semmiet ukoll il-konklużjoni tax-xogħol marbut mar-ristrutturar tal-biċċerija ġdida, inizjattiva oħra għal benefiċċju ta’ dawk li jrabbu l-annimali. Hija qalet li din il-biċċerija issa ġiet mgħammra b’apparat modern u effiċjenti li jilħaq livelli u standards għoljin. L-Onor. Giovanna Debono qalet li dan il-proġett mistenni jerġa’ jibda jagħti servizzi lir-raħħala Għawdxin fil-ġimgħat li ġejjin. “Proġett ambizzjuż ieħor huwa dak li ser ikun qed jiġi implimentat fil-farm tal-gvern, fejn dan is-sit ser jiġi mibdul f’post ta’ innovazzjoni u riċerka agrikola permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta”, żiedet tgħid il-Ministru għal Għawdex. Hija qalet li diġà bdiet issir riċerka fuq razez ta’ tjur lokali, filwaqt li spjegat li t-titjib infrastrutturali ġewwa l-bini eżistenti ser jirriżulta f’titjib fil-faċilitajiet li permezz tagħhom jiġu mtejba s-servizzi li jingħataw il-bdiewa Għawdxin.

L-Onor. Giovanna Debono rreferiet ukoll għal miżuri oħra marbuta mal-qasam agrikolu u ambjentali li ġew implimentati fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010 – 2012. Fost l-oħrajn hija semmiet il-korsijiet dwar l-użu responsabbli tal-pestiċidi, tindif tal-widien, skemi biex jitranġaw irdieden tar-riħ u proġetti ta’ afforestazzjoni.

Din il-wirja, li qed tiġi organizzata għall-156 sena mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali ta’ Għawdex tbierket mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.  Ta’ kull sena, din il-wirja tesponi għall-pubbliku dak li għandu x’joffri s-settur agrikolu u artiġjanali Għawdxi permezz tal-prodotti esebiti minn numru ta’ bdiewa u raħħala Għawdxin. Dawn ivarjaw minn żrieragħ, pjanti, frott u ħxejjex, prodotti proċessati bħal għasel, ġobon, inbid u ikel ieħor, kif ukoll snajja’ u prodotti artiġjanali Għawdxin. Attrazzjoni ewlenija ta’ din il-wirja speċjalment mat-tfal, hija t-taqsima tal-annimali tal-irziezet li tinkludi fost l-oħrajn majjali, ngħaġ, mogħoż, baqar kif ukoll żwiemel.

Il-wirja tiftaħ għall-pubbliku l-Ħadd 14 ta’ Awwissu fil-5 p.m. Fis-7 p.m. issir ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fil-kategoriji tas-snajja’ u prodotti Għawdxin mill-Onor. Giovanna Debono. Din iċ-ċerimonja ser tiġi segwita minn serata ta’ għana u folklor bil-parteċipazzjoni ta’ diversi Għannejja Maltin u Għawdxin li jinkludi l-grupp Folkloristiku Għaqda Folklor Xagħri kif ukoll mużika live ma’ Spiru Sillato. Għada t-Tnejn, il-wirja tiftaħ għall-pubbliku fis-6.30 a.m. u tikkonkludi b’ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fil-kategoriji tal-annimali tal-irziezet, li tibda fil-11 a.m. u tkun ippreseduta mill-E.T. il-President tar-Repubblika Dr George Abela bil-preżenza tal-Onor. Giovanna Debono Ministru għal Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow