STQARRIJA TAD-DIPARTIMENT TAL-VAT: ID-DIPARTIMENT TAL-VAT JIĊĦAD DAK LI QALET L-OPPOZIZJONI
B'riferenza għall-istqarrija tal-kelliem tal-oppozizzjoni dwar il-Finanzi, id-Dipartiment tal-VAT jiċħad bil-qawwa kollha li kien hemm formoli tal-VAT li ma ntbagħtux lil 4,000 persuna u li kienu dovuti li jimtlew sal-15 ta' Mejju 2011. ld-dipartiment għandu provi f'idejħ li l-formoli tal-VAT li kellhom jintbagħtu, ġew stampati kif suppost b’mod kumputeriżżat u hemm ukoll audit trail li juri dan. Id-Dipartiment għandu wkoll f’idejh provi li dawn il-formoli ntbagħtu kif isir kull xahar lil Maltapost biex dawn jitqassmu bil-posta lill-persuni reġistrati. Huwa normali li xi formoli tal-VAT jiġu lura fid-Dipartiment minħabba li xi persuni jkunu bidlu l-indirizz u m’avżawx lid-Dipartiment imma dawn il-każijiet ma jkunux numerużi.
Id-Dipartiment tal-VAT minn din is-sena mhux biss baqa’ jibgħat il-formoli tal-VAT kif dejjem għamel imma anke wettaq investiment ġdid teknologiku li permezz tiegħu, mal-formola tal-VAT stess, qed jintbagħat rendikont dettaljat lill-persuna reġistrata sabiex din tkun infurmata bil-pożizzjoni aħħarija tagħha mad-Dipartiment. B’hekk il-persuna tkun tista’ tieħu azzjoni mil-ewwel dwar xi bilanċi li għandha mad-Dipartiment u tevita l-imgħax u penalitajiet amministrattivi. Dan huwa l-oppost ta’ dak li qal il-kelliem tal-oppozizzjoni u li jistgħu jixhduh l-eluf ta’ persuni reġistrati li qed jibbenifikaw minn dan is-servizz. Mhux biss imma minn din is-sena, daħlet ukoll fis-seħħ miżura ġdida tal-baġit li permezz tagħha persuni li jibgħatu l-formola tal-VAT online fuq il-website tad-Dipartiment, jingħataw ukoll estensjoni fuq il-perjodu ta’ l-għeluq tal-formola.
L-istqarrija ssemmi wkoll ir-rifuzjonijiet. Dawn ir-rifużjonijiet qegħdin jiġu kontrollati mill-uffiċċjali tad-Dipartiment tal-VAT qabel jitħallsu. Kif jaf min hu ntiż fl-awditjar, dan il-proċess huwa proċess laborjuż u jieħu ftit taż-żmien. Huwa tassew għajb li issa d-Dipartiment tal-VAT qed jiġi attakkat għaliex qed jagħmel il-kontrolli neċessarji, kif anke dejjem sar, qabel jagħmel ħlasijiet.
Fl-aħħarnett m’hu veru xejn lanqas, li l-Awditur Ġenerali ripetutament indika bosta nuqqasijiet fit-tmexxija u fl-operat f’dan id-Dipartiment wara l-każ li seħħ fl-2009. Din ukoll hija skorrettezza ntiża biex toħloq dubji serji dwar it-titjib kontinwu li sar u li għadu qed isir fid-Dipartiment tal-VAT sabiex jissaħħu l-kontrolli u tiżdied l-effiċjenza.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006