IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ISOSTNI INIZJATTIVI B’RISQ L-AMBJENT MARITTIMU U S-SIGURTÀ FIL-BAĦAR
Inizjattivi kordinati mill-Emergency Rescue Response Corps (ERRC) f’Għawdex ser ikunu qed jibbenefikaw minn finanzjament ta’ €50,000 taħt l-iskema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex għal organizzazzjonijiet mhux governattivi marbuta mal-pjan ta’ azzjoni 2010-2012 dwar eko-Għawdex. Dan ifisser li din l-organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem b’mod volontarju fil-qasam tas-saħħa u sigurtà f’Għawdex ser tkun qed tibbenefika mill-finanzjament massimu allokat għal kull organizzazzjoni taħt din l-iskema.
L-ERRC ser ikunu qed jużaw dawn il-fondi biex iwettqu żewġ proġetti li ġew imsemmija Green Wave u GASART (Gozo Aquatic Search and Rescue Team) li jinkludu diversi inizjattivi marbuta mal-promozzjoni u l-ħarsien tal-ambjent marittimu kif ukoll kampanja edukattiva biex jiżdied l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-baħar speċjalment fost it-tfal. Permezz ta’ dawn iż-żewġ proġetti l-ERRC f’Għawdex ser ikunu qed jagħmlu kampanja ta’ tindif ta’ qiegħ il-baħar li jinkludu żoni li jintużaw minn għaddasa lokali kif ukoll bosta barranin li jiġu Għawdex biex jipprattikaw dan id-delizzju. Kampanja oħra ser tkun dik imtellgħa b’koperazzjoni ma’ aktar minn 300 sajjieda Għawdxin biex jinġabru xbieki li jintilfu f’qiegħ il-baħar u jirriżultaw fil-qerda ta’ kwantità ta’ ħut li jibqa’ maqbud fihom. Din l-inizjattiva ser isservi biex jitnaqqas b’mod qawwi l-effett negattiv ta’ dak li hu magħruf bħala ‘ghost fishing’. Sadanittant bdiet kampanja edukattiva fost tfal li qed jattendu sessjonijiet ta’ Skola Sajf imtellgħa mill-Kulleġġ ta’ Għawdex fejn dawn qed jingħataw aktar tagħrif marbut mal-importanza tar-rispett lejn l-ambjent marittimu. Din il-kampanja mistennija tinfirex ukoll fost il-pubbliku ġenerali u dawk li għandhom id-dgħajjes.
Inizjattiva oħra ser tkun opportunità ta’ sessjonijiet ta’ għadis mogħtija minn membri tal-ERRC lill-persuni b’diżabilità li jkunu mħajra jagħmlu din l-esperjenza. Il-proġett GASART qed jiffoka fuq tisħiħ tal-apparat u faċilitajiet oħra disponibbli biex l-ERRC tkun f’pożizzjoni aħjar li twettaq sistema ta’ salvataġġ fil-baħar billi toffri servizzi ta’ lifeguard u servizzi oħra ta’ emerġenza f’Kemuna kif ukoll f’xi bajjiet oħra f’Għawdex.
Dan it-tagħrif ingħata waqt attività li għaliha attendew fost l-oħrajn il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono flimkien ma’ numru ta’ membri tal-ERRC f’Għawdex. Il-Ministru Debono fissret kif l-objettivi marbuta mal-inizjattivi tal-proġetti Green Wave u GASART jaqblu ma’ numru ta’ miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni 2010-2012 dwar eko-Għawdex fosthom dawk li jippromwovu tisħiħ u protezzjoni tal-ambjent marittimu kif ukoll dawk li jfitxxu li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar mingħajr esklużjoni. Il-Ministru faħħret l-inizjattivi meħuda minn din l-organizzazzjoni li taħdem b’mod volontarju u permezz tagħha diversi żgħażagħ qed jingħataw opportunità li jimpenjaw ruħhom b’mod effettiv b’risq il-komunità. “Il-Ministeru għal Għawdex isostni inizjattivi ta’ xogħol volontarju għax jirrikonoxxi l-ġid kbir li jinkiseb permezz tagħhom”, żiedet tgħid l-Onor. Giovanna Debono.
Fix-xhur tas-sajf l-ERRC jikkonċentraw l-operat tagħhom f’inħawi marittimi speċjalment fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex u fil-Blue Lagoon f’Kemuna fejn qed iwettqu servizz ta’ lifeguard b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, l-MTA u l-fondazzjoni GAIA. Fil-jiem li għaddew, minħabba kundizzjonijiet tat-temp, dan is-servizz irriżulta ferm fejjiedi fl-għajnuna li ngħatat lil seba’ għawwiema f’Kemuna u tliet għawwiema fir-Ramla li lkoll sabu ruħhom f’diffikultajiet waqt li kienu qed jgħumu.
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006