AKTAR SPAZZJI MIFTUĦA GĦAR-RIKREAZZJONI TAL-FAMILJI – MĦABBAR MASTER PLAN GĦAŻ-ŻONA TA’ QALI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino ħabbar numru ta’ proġetti li se jitwettqu f’Ta’ Qali biex ikompli jikber l-ispazzju pubbliku għall-familji fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali. L-attrazzjonijiet prinċipali li se jiżdiedu fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali jinkludu toddlers area, water park, skate park, petting farm, butterfly house u cycling track.
Il-Ministru Pullicino qal li “din l-estenzjoni li qed inħabbru llum hija l-ħames waħda f’dawn l-aħħar seba’ snin. F’dawn l-aħħar snin kellna viżjoni li ntejbu, inkabbru u nsebbħu l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Park li joffri post ta’ rikreazzjoni għall-membri tal-familja kollha.”
L-Għan wara dan il-Master Plan għal Ta’ Qali hu li jkompli jingħata aktar spazzju miftuħ għall-familji tant li l-estenzjoni tal-Park se toffri spazzju ġdid b’kobor daqs 4 grounds tal-football. Għalhekk b’kollox Ta’ Qali se jkun qed joffri spazzju ta’ ‘l fuq minn 230,00 metru kwadru ta’ art miftuħa u msebbħa għar-rikreazzjoni tal-familji.
Il-post fejn se jsiru dawn il-proġetti sa’ llum il-ġurnata jintuża mill-karozzi. Għalhekk biex ma jintilifx il-post għal-parkeġġ se jsir car park f’Ta Qali li se joffri spazzju għal 571 karozza. Se jiġi wkoll organizzat aħjar il-parkeġġ ta’ ħdejn l-out door gym, biex hemmek ukoll jinħoloq spazzju għal aktar karozzi.
Matul dawn is-snin, tħawwlu f’Ta Qali ’l fuq minn 21,000 siġra. F’pajjiżna fl-aħħar snin anki permezz tal-Kampanja 34U, tħawwlu ’l fuq minn 100,000 siġra. B’dan il-proġett ġdid f’Ta’ Qali se jinħoloq spazzju għall- 1,000 siġra oħra.
Dan il-proġett jorbot ukoll ma’ katina sħiħa ta’ proġetti oħrajn fejn fost l-oħrajn tajna lura lin-nies spazji pubbliċi miftuħa bħal fil-każ ta’ Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema, estenzjoni tal-Park tas-Salini, l-proġett ta’ Pjazza San Ġorġ fil-qalba tal-Belt Valletta, Triq Bisazza f’Tas-Sliema, pjazza fiċ-Ċentru ta’ Gwardamangia u Park ġdid fi Xrobb l-għaġin.
Il-Ministru Pullicino qal li “flimkien ma din l-estenzjoni f’Ta’ Qali, għaddej xogħol biex il-miżbliet il-magħluqa tal-Magħtab, wied il-għajn u l-Qortin jinbiddlu f’Parks kif ukoll se jsir park ieħor f’Delimara.”
Il-programm tax-xogħlijiet f’Ta’ Qali hu mistenni li jdum 3 snin mill-ħruġ tal-permessi meħtieġa mill-MEPA.
Il-Ministru Pullicino temm jgħid li “dan li qed inħabbru llum huwa investiment ta’ ’l fuq minn €5.5 miljun. Iżda aktar minn hekk hu nvestiment fil-familji tagħna u investiment fit-tisbiħ ta’ pajjiżna.”
Other Press Releases:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006