Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-EXILES SPORTS CLUB IL-ĠDID, TRIQ IT-TORRI, TAS-SLIEMA – IL-ĦAMIS, 11 TA’ AWWISSU 2011

pr1525
Date Icon 11/08/2011

Sur President Andrew Paris,
Kollegi Ministri u Segretarji Parlamentari,
Deputati,
Membri tal-Kumitat,
Sinjuri,


B’ħarsa madwarna naraw xi ġmiel ta’ pajjiż għandna.  Illum se ninawguraw faċilitajiet ġodda f’post fejn fl-aħħar snin saru diversi proġetti li komplew ħarġu s-sbuħija ta’ din il-parti ta’ Malta fejn Maltin u dawk li jżuru pajjiżna jqattgħu l-ħin tagħhom f’dawn l-inħawi. 

Din iż-żona – fi spazju ta’ ftit kilometri toffri spazju ta’ clubs differenti f’din id-dixxiplina sportiva. 

Il-lum hi okkażjoni speċjali għall-Exiles.  Dik li bdiet b’avventura minn grupp ta’ studenti fil-Kulleġġ San Alwiġi 45 sena ilu, kompliet tiżviluppa u llum qed ninawguraw Kumpless Sportiv.  Dik l-avventura ssarrfet f’edukazzjoni informali għal ħafna nies.  Dan il-Klabb għen ukoll biex titrawwem kultura sportiva f’pajjiżna. 

Mingħajr faċilitajiet tajba, ma jkunux jistgħu jiżdiedu dawk li jieħdu sehem f’dixxiplini sportivi.  Għalhekk il-Gvern minbarra li qiegħed jinvesti hu f’faċilitajiet sportivi, kemm fi skejjel u f’kumplessi sportivi, qiegħed jgħin finazjarjament u billi jagħti artijiet biex jitmexxew mill-għaqdiet sportivi.  Il-Gvern jagħraf is-sehem indispensabbli li intom l-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi tagħtu fl-iżvilupp ta’ wliedna u taż-żgħażagħ tagħna.  Il-Gvern se jkompli jappoġġja l-inizjattivi tagħkom, fost l-oħrajn b’allokazzjoni finanzjarja fil-budget, skemi apposta għall-isportivi, permezz tal-Fond għal Kawżi Ġusti u anki billi jingħataw aktar propjetajiet biex jitmexxew mill-għaqdiet sportivi.

13-il klabb tal-għawm u tal-waterpolo għandhom f’idejhom art tal-Gvern li l-valur kummerċjali tagħha jammonta għal aktar minn €9 miljun. Li kieku dawn l-artijiet kellhom jinkrew mill-klabbs b’kirja kummerċjali hu stmat li jkollhom jitħallsu madwar €450,000 fis-sena.  Minflok jitħallsu €22,000 – dan ifisser li jħallsu 5%.  Sussidju ta’ 95%.  Il-Gvern jagħraf li l-investiment fl-isports hu investiment fl-aħjar edukazzjoni u żvilupp ta’ wliedna u għalhekk jagħmel għażla konxja favur it-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji. 

Filwaqt li l-Gvern qed jgħin lill-għaqdiet tal-waterpolo, qiegħed ta’ kull sena jinvesti fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq biex tintuża għat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet.  In-nefqa rikorrenti kull sena f’din il-pixxina biex tkun tista’ tintuża mit-tfal u mill-atleti hi ta’ €1.7 miljun.  Dan minbarra l-investiment kapitali f’xogħol ta’ titjib.  Nhar it-Tnejn li għadda żort il-Pixxina Nazzjonali fejn kienu għaddejjin programmi ta’ taħriġ għat-tfal organizzati mill-Kunsill Malti għall-Isport.  Mingħajr dawn il-faċilitajiet ta’ livell għoli, il-ħsieb, l-enerġija u d-dedikazzjoni, qatt ma konna nkunu f’pożizzjoni li naraw iż-żidiet sostanzjali li kien hemm fost it-tfal li jattendu għal dawn il-programmi. 

Investiment sostanzjali ieħor li qed jagħmel il-Gvern u li għandu impatt dirett fuq dan l-isport, hu l-proċess ta’ tisfija tad-dranaġġ.  Fl-aħħar 4 snin il-Gvern, b’fondi tal-Unjoni Ewropea u l-protokoll Taljan investa €108 miljun biex illum għandna baħar nadif, tant li stħarriġ li sar mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u mill-Kummissjoni Ewropea wera li l-bajjiet kollha ta’ Malta u Għawdex għandhom kwalità ta’ baħar eċċellenti jew ta’ kwalità tajba.  Dan jissarraf f’ambjent aħjar u saħħa aħjar.

Sinjuri,

Intom dħaltu għall-investiment ġdid u wasaltu. Kollox għandu prezz. Naf li l-għaqdiet jistinkaw biex jiġġeneraw fondi biex ikomplu mexjin.  Il-Gvern nieda skema li permezz tagħha l-għaqdiet sportivi jistgħu jgawdu finanzjarjament.  Min jiġbed turiżmu sportiv lejn pajjiżna jingħata fondi għal kull bed night.  F’dawn is-sentejn l-għaqdiet sportivi attiraw lejn pajjiżna 63,000 bed night.  Hu kkalkulat li dawn issarrfu fi dħul ta’ aktar minn żewġ miljuni fl-ekonomija Maltija.

Il-Gvern se jkompli jaħdem id f’id magħkom – amministraturi, membri tal-għaqdiet sportivi, atleti u voluntiera. 

L-attività tal-lejla turi li s-sens ta’ avventura li bdiet 45 sena ilu ma tilfitx mill-ispirtu tagħha. 

Nawgura li l-ispirtu sportiv jibqa’ jkun preżenti biex inkomplu nibnu soċjetà b’saħħitha permezz tal-isports.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  “L-ugwaljanza u l-kompetittività jimxu id f’id” – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262007

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION “Simplification must ultimately be measured by the difference it makes to beneficiaries implementing projects using EU funding” – Minister Keith Azzopardi Tanti

PR262006

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow