DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT L-GĦOTI TAL-BOROŻ TA’ STUDJU TAL-ARTI, AUBERGE DE CASTILLE, VALLETTA – IL-ĦAMIS, 11 TA’ AWWISSU 2011.
Prim Ministru u s-Sinj. Gonzi,
Mistednin Distinti,
Studenti,
Ġenituri,
Sinjuri,
L-għoti ta’ scholarships fl-arti huwa messaġġ ċar tal-impenn tal-Gvern fil-qasam tal-kreattività.
Il-kreattività, l-arti u l-perspettiva kulturali għandhom post ċentrali fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-kreattività tixpruna l-investiment u f’oqsma oħra żżid il-valur tal-prodott Malti.
Dan huwa l-ħsieb wara l-miżuri li ħa l-Gvern fil-baġits li għaddew bil-għan li tiġi stimulata l-industrija tal-kreattività. L-għoti tal-boroż ta’ studju fl-oqsma tal-arti, li issa ilu jingħata għal sentejn, huwa wieħed minn dawn il-miżuri.
Tul dawn l-aħħar ftit snin, il-Gvern żied l-importanza tal-kreattività u l-arti fis-sistema edukattiva sa mill-iċken etajiet. Saħħaħna t-tagħlim tal-mużika, id-drama u l-art fl-iskejjel primarji u sekondarji, inkluż b’żieda fl-għalliema li jgħallmu s-suġġetti. B’sodisfazzjon ngħid li mi-ssena d-dieħla, l-istudenti li jidħlu fil-Form 1 se jkollhom l-opportunità jitgħallmu l-mużika b’mod formali. B’hekk, ħames snin oħra se jersqu l-ewwel studenti għall-eżami tas-SEC fil-mużika. Dan diġà jsir fis-suġġett tal-arti, u qegħdin nesploraw il-possibilità li nagħmlu l-istess bit-tagħlim tad-drama.
Qed ninvestu wkoll fis-sitt skejjel speċjalizzati li għandna fl-oqsma tal-arti. Qed inżidu l-korsijiet biex b’kollox, matul is-sena 2010-2011, 3,670 persuna attendew f’wieħed mill-iskejjel tal-arti, drama u mużika. Is-sena li għaddiet, introduċejna wkoll Outreach Programme biex nattiraw aktar studenti li jixtiequ jispeċjalizzaw fil-mużika. Ir-riżultati jitkellmu waħedhom: f’Ottubru 2010, l-attendenza kważi rduppjat mis-sena ta’ qabel, minn 555 għal 946 student.
Dawn ir-riżultati jimlewna kuraġġ biex inkomplu ninvestu f’dawn l-oqsma tant importanti. Fl-istess ħin, joffrulna sfidi ġodda. Ewlenija fosthom hija l-bżonn li nibnu tliet skejjel ġodda li se jispeċjalizzaw fil-mużika, fid-drama u fl-arti biex nilqgħu għad-domanda li teżisti. Dan se jsir taħt il-kappa ta’ Kulleġġ tal-Arti, u se jikkumplimenta, mhux jikkompeti, ma’ dawk il-korsijiet li diġà qed jiġu offruti fl-Università ta’ Malta, fl-MCAST u fis-settur privat.
Illum, aktar studenti qed jagħżlu li jispeċjalizzaw fl-oqsma tal-arti. Mill-2006, il-Gvern ta 60 borża ta’ studju f’dawn l-oqsma permezz tal-iskemi MGSS u STEPS; 6 minn dawn il-boroż ta’ studju se jwasslu għal dottorat f’diversi oqsma tal-arti.
Il-Malta Arts Scholarships Scheme tmur oltre minn hekk għax hija skema mfassla speċifikament għal dan is-settur. Dan billi mhix limitata għal gradi universitarji imma għal kull tip ta’ kors, sakemm ikun rikonoxxut li hu itwal minn 9 xhur u inqas minn erba’ snin.
L-iskema diġà ħadet isem fis-settur u teżisti kompetizzjoni qawwija għaliha. Fl-istess ħin, qed nirċievu rapporti eċċellenti dwar l-istudenti li ngħataw boroż ta’ studju sena ilu mis-supervisors fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet barranin.
Nawgura lill-ħdax-il studenti li ħadu borża ta’ studju din is-sena biex jagħmlu unur lil Malta barra minn xtutna. Jeżisti talent kbir f’pajjiżna. L-edukazzjoni huwa l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262007
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-ugwalja...
PR262006